Tuesday, December 24, 2024

Tfal Marsin b’esibizzjoni dwar “iż-żjara tagħhom” f’ħames pajjiżi

Tbissima goes around the world...

Aqra wkoll

Grupp ta’ tfal u żgħażagħ Marsin li jattendu għal Programm Tbissima organizzaw esibizzjoni, li fiha wrew dak li esperjenzaw matul is-sajf li għadda, meta kellhom iċ-ċans jagħmlu diversi attivitajiet li laqqgħuhom ma’ ħames pajjiżi differenti. 

L-esibizzjoni kienet dwar Malta, il-Libja, il-Filippini, il-Messiku u l-Italja. Permezz ta’ sensiela ta’ attivitajiet, dawn it-tfal u żgħażagħ irnexxielhom jiskopru l-kulturi differenti tal-pajjiżi u mbagħad esprimew dak li tgħallmu mis-sessjonijiet permezz ta’ xogħlijiet artistiċi u kreattivi ta’ tpinġija u l-ħolqien ta’ affarijiet relatati. Dwar kull pajjiż, it-tfal kellhom ukoll iċ-ċans li jiskopru l-ispeċjalitajiet kulinarji u anke jduqu minn dawn l-ispeċjalitajiet. 

Dan kollu kien parti mill-proġett tas-sajf ta’ Programm Tbissima – programm ta’ edukazzjoni non-formali li tmexxi The Malta Trust Foundation, b’kollaborazzjoni ma’ Right2smile. Dan il-programm jitwassal fil-lokalitá tal-Marsa, peress li riċerka kien uriet li din il-lokalitá tħalliet mitluqa għal diversi snin, b’konsegwenza li t-tfal u ż-żgħażagħ tal-Marsa dejjem ħassew li m’għandhomx postijiet siguri għar-rikreazzjoni u biex jieħdu sehem f’edukazzjoni non-formali. Barra minn hekk, ir-riċerka wriet li konsegwenza ta’ din it-telqa t-tfal lanqas ma kien qed ikollhom aspirazzjonijiet f’ħajjithom.  

Għaldaqstant, dan il-programm ilaqqa’ lil numru ta’ tfal u żgħażagħ Marsin, li kull ġimgħa jattendu għal sessjonijiet li jkunu mmexxija mill-kordinatriċi tal-proġett Hazal Yuksel u minn youth workers li jrawmu ċerta ħiliet bażiċi f’dawn it-tfal. Waqt is-sessjonijiet, it-tfal ikollhom iċ-ċans ipinġu u joħolqu l-affarijiet, jisimgħu l-mużika, jagħmlu sport, isajru, jitgħallmu d-drama u anke jkollhom iċ-ċans li joħorġu, imqar darba fix-xahar. 

Ta’ min wieħed jgħid li permezz ta’ dan il-grupp li jattendi għal Programm Tbissima qed ikun hemm taħlit ta’ kulturi soċjali u reliġjużi differenti, li qed iwasslu wkoll għal ħbiberiji ġodda. Fil-fatt, l-għan ta’ din l-esibizzjoni kien li mhux biss inressqu flimkien lil dawn it-tfal u żgħażagħ, iżda anke biex il-ġenituri tagħhom isiru jafu lil xulxin u permezz ta’ wliedhom jingħaqdu flimkien bħala komunitá.  

L-esibizzjoni kienet waħda li esponiet bosta dettalji uniċi mill-pajjiżi differenti. Jekk tieħu eżempju l-Messiku, it-tfal ħolqu l-istrument mużikali tipiku li jissejjaħ Maracas u anke l-kpiepel tipiċi – is-sombrero. 

Fejn tidħol Malta, it-tfal kellhom iċ-ċans li jieħdu sehem f’sessjonijiet fejn tgħallmu jagħmlu x-xogħol bil-fuħħar. Din is-sessjoni saret waqt mawra li kellhom fil-gżira Għawdxija u minnha ħolqu diversi qniefed tal-fuħħar. 

Parti sabiħa mill-esibizzjoni kienet tiffoka fuq il-Filippini. Peress li l-istilel tal-karti huma xi ħaġa tipika ta’ dan il-pajjiż it-tfal ħolqu ammont kbir ta’ stilel u dawn ġew imdendlin mis-saqaf biex joħolqu atmosfera mill-isbaħ. 

Dwar l-Italja, li hu pajjiż ġirien tagħna u li t-tfal kienu jafu aktar dwaru, saru diversi tpinġijiet relatati ma’ Venezja u mat-Torri ta’ Pisa. Barra minn hekk, saru wkoll pitturi dwar l-ikel tipiku, fosthom il-pizza. 

Finalment, saru wkoll diversi tpinġijiet dwar il-madum tipiku tal-Libja, b’ħafna disinni uniċi. Dawn flimkien ma’ messaġġi pożittiv dwar il-ħelsien tal-Libja u anke pitturi tal-bandiera u tal-ilbies Libjan. 

Ekonomija

Sport