Ilbieraħ, għall-ħabta tal-11.30pm, il-Pulizija ġiet infurmata li kien seħħ inċident tat-traffiku fi Triq Sir Temi Zammit, l-Imġarr.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li għal xi raġuni Toyota Vitz misjuqa minn mara ta’ 37 sena residenti Ħal Qormi ħabtet ma’ żewġ vetturi li kienu pparkjati. Fil-vettura mal-mara kien hemm raġel ta’ 39 sena residenti Ħal Qormi, tifel ta’ 9 snin u tifla ta’ 6 snin.
Huma ngħataw l-għajnuna minn tim mediku u ttieħdu l-Isptar Mater Dei permezz ta’ żewġt ambulanzi. Aktar tard ir-raġel ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi filwaqt li l-mara u ż-żewġt itfal sofrew ġrieħi ħfief.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.