Wednesday, January 15, 2025

Tfal tal-iskola jħawlu Widnet il-Baħar f’ Wied iż-Żurrieq

Aqra wkoll

Tfal mill-iskola Primarja tal-Qrendi ħadu sehem f’attivitajiet ta’ tħawwil u logħob interattiv f’Wied iż-Żurrieq Coastal Garden, fejn dawn ħadmu id f’id mal-ħaddiema ta’ Ambjent Malta biex jippreparaw u jħawlu pjanti addattati għal dan l-abitat.

Din l-attività ġiet organizzata minn Ambjent Malta biex tiċċelebra inizjattiva ta’ riabilitazzjoni, li permezz tagħha aktar minn 150 siġra u 750 arbuxelli ġew imħawla f’din iż-żona ta’ 3,240 metru kwadru, fost xogħol ieħor. Waqt din l-attività, l-istudenti tgħallmu dwar l-importanza tal-bijodiversità u l-effetti tal-klima fil-kuntest tal-ambjent kostali.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli faħħret din l-inizjattiva u qalet li xogħol bħal dan huwa importanti biex nedukaw lit-tfal filwaqt li nissalvagwardjaw il-bijodiversità lokali. “Din l-attività fejn l-istudenti jinvolvu ruħhom dirett fil-proġett u jitgħallmu dwar it-tħawwil u l-bijodiversità, turi kif t-tfal jistgħu jħaddnu l-imħabba lejn in-natura waqt li jifhmu l-importanza tas-sostenibbiltà u l-immaniġġjar taż-żoni naturali ta’ pajjiżna.” Apparti minn hekk, il-ministru qalet li din l-inizjattiva tingħaqad ma’ proġetti ferm akbar bħal dak ta’ Wied Inċita u bosta oħrajn biex inkomplu nħarsu l-patrimonju naturali tagħna.

Din l-inizjattiva hija parti minn strateġija usa’ biex l-ambjent kostali jissaħħaħ u jiġi protett kontra speċi invażivi. Tneħħew aktar minn 6200kg tal-pjanta magħrufa bħala s-Swaba tal-Madonna il-komuni (carpobrotus acinaciformishottenot fig) hekk kif din l-ispeċi aggressiva kienet qed thedded il-bijodiversità lokali. B’dan ix-xogħol, passaġġi bħal dawn jingħataw l-ispazju neċessarju biex jerġgħu jitkattru l-ispeċi indiġeni.

Peress li l-inħawi huma esposti għal kundizzjonijiet ambjentali diffiċli bħar-riħ u l-melħ, kien kruċjali li jitħawlu pjanti li kapaċi jiffaċċjaw l-isfidi marbuta mal-kosta. Barra minn hekk, ġew installati tankijiet tal-ilma u sistema ta’ tisqija biex jiġi żgurat li l-ġnien jibqa’ ħadrani u vibranti matul is-sena kollha. Fost dawn hemm Narċis tar-Ramel (pancratium maritimum), Kromb il-Baħar (cakile maritima), kif ukoll il-Pjanta Nazzjonali ta’ Malta, il-Widnet il-Baħar (cheirolophus crassifolius). Dawn il-pjanti huma wkoll sors ta’ ikel għal insetti bħan-naħal u friefet, elementi ewlenin għall-bilanċ ambjentali.

Il-Project Manager ta’ Ambjent Malta Ryan Cilia qal li, “bil-kundizzjoni klimatika li qed niffaċċjaw huwa importanti li l-abitati mal-kosta nieħdu ħsiebhom billi jitħawlu siġar u arbuxelli addattati fosthom dawk endemiċi”.

Is-Sindku tal-Qrendi David Schembri rrimarka li: “Permezz tal-kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali tal-Qrendi u Ambjent Malta rajna kif bix-xogħol li sar f’Wied iż-Żurrieq, il-viżitaturi u t-turisti japprezzaw aktar is-sbuħija tal-flora u fawna indiġeni u endemiċi Maltin”. F’isem il-Kunsill irringrazzja lill-ħaddiema kollha filwaqt li appella lit-tfal preżenti biex jħeġġu l-familjari tagħhom iżuru u japprezzaw is-sbuħija ta’ Wied iż-Żurrieq.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport