Vann li kien mgħobbi bi tfal tal-iskola nġarr minn mill-ilmijiet f’għargħar qawwi fl-Afrika t’Isfel. Mhux ċar kemm kien hemm tfal fil-vann, iżda s’issa nstabu tlieta ħajjin. L-isforzi ta’ salvataġġ ġew sospiżi minħabba d-dlam u reġgħu bdew ilbieraħ filgħodu.
F’inċident separat, instabu l-katavri ta’ seba’ persuni li nġarru mill-ilma tal-għargħar fid-distrett OR Tambo tal-provinċja.
L-Afrika t’Isfel intlaqtet minn borra densa, xita u rjieħ qawwija li ħasdu l-ħajja ta’ ħames persuni oħra f’inċident tat-triq, li ħalla wkoll kważi 500,000 dar mingħajr elettriku.
Il-ħames persuni mietu meta taxi minibus inqaleb ħdejn il-belt kostali ta’ East London, bis-sewwieq jgħid li kien tilef il-kontroll hekk kif kien qed jipprova jevita siġra mwaqqa’.
Il-Kap tal-Lvant – il-post fejn twieled l-ikona kontra l-apartheid Nelson Mandela – kien l-agħar milqut mill-kundizzjonijiet tas-silġ, flimkien mal-provinċja ta’ KwaZulu-Natal.
Minħabba t-temp ħażin diversi toroq ewlenin fiż-żewġ provinċji ingħalqu għat-traffiku biex jiġu evitati aktar vittmi.
Skont ma qalet il-kumpanija tal-enerġija statali Eskom kważi 300,000 dar intlaqtu minn qtugħ tad-dawl f’14-il belt u raħal fil-Kap tal-Lvant. 196,000 dar oħra f’24 żona fi KwaZulu-Natal ukoll kienu qed jesperjenzaw qtugħ tad-dawl.
Il-Ministru tat-Trasport ta’ KwaZulu-Natal Siboniso Duma qalet li borra qawwija wasslet biex it-trakkijiet jeħlu fit-toroq, u kkawżaw konġestjoni kbira.
L-uffiċju meteorologu wissa wkoll dwar irjieħ qawwija u mewġ qawwi fuq il-baħar, li jagħmlu n-navigazzjoni għall-vapuri diffiċli. Kemm Eastern Cape kif ukoll KwaZulu-Natal jinsabu tul il-kosta.
Fl-Afrika t’Isfel il-borra tinżel regolarment matul ix-xhur tax-xitwa, b’temperaturi li saħansitra jinżlu taħt iż-0 ċentigradi.
Hemm ukoll għargħar regolari u x-xjentisti jgħidu li t-tibdil fil-klima qed jikkawża xita aktar qawwija fir-reġjun.