Il-vjolenza domestika minn ġenitur narċissist mhiex biss kwistjoni ta’ abbuż fuq is-sieħeb jew is-sieħba iżda wkoll pjaga li tolqot direttament lit-tfal. Ħafna drabi dawn it-tfal jintużaw bħala arma kontra l-ġenitur vittma jew isiru huma stess il-mira ta’ manipulazzjoni, kontroll u imġieba perikoluża. F’ċerti każijiet il-ġenitur narċissist jirnexxielu anke jqarrraq lis-sistema bil-“kapolavur” ta’ manipulazzjoni tiegħu u b’hekk jirbaħ kustodja jew jirċievi aċċess li jpoġġi lill-minuri f’riskju. F’dawn iċ-ċirkostanzi s-sistema għandha d-dmir li tipproteġi lit-tfal.
Fid-diskors pubbliku ħafna drabi nisimgħu li “l-ewwel u qabel kollox irridu naraw l-aħjar interess tat-tfal”. Madankollu, fil-prattika, dan mhux dejjem qiegħed iseħħ. Tfal li jgħixu f’dawn ir-realtajiet jaffaċċjaw mhux biss abbuż fiżiku, iżda wkoll traskuraġni, nuqqas ta’ superviżjoni u abbuż emozzjonali sottili li jħalli marki profondi u fit-tul. Din hija “vjolenza fantażma” li ma tidhirx fuq barra iżda tiżviluppa fi ġrieħi psikoloġiċi li aktar tard jinbidlu f’rabja, fi tbatija u diffikultajiet ta’ saħħa mentali. Tbatija li qegħdin narawha aktar ta’ spiss fost studenti fl-iskejjel u adoloxxenti fit-toroq.
Sfortunatament, meta l-ġenitur l-ieħor jipprova jressaq il-problema, mhux dejjem jinstema’ jew jiġi trattat b’serjetà biżżejjed. Il-verità hija li wisq drabi la l-ħaddiema soċjali, la t-terapisti u kultant lanqas il-qrati, ma jagħtu kas biżżejjed. Meta l-periklu jiġi rikonoxxut b’mod ċar, spiss ikun tard wisq. Dan għax il-ħsara tkun diġà, sfortunatament, saret.
Il-problema tiżdied minħabba l-mentalità riġida li t-tfal “għandhom bżonn” jaraw liż-żewġ ġenituri, kważi b’mod obbligatorju u ekwivalenti. Din il-fehma, minkejja li f’ħafna każijiet hija valida, mhiex dejjem fl-aħjar interess tat-tfal. Jekk preżenza ta’ ġenitur tfisser trawma u biża’ għalihom, nistaqsu – kif jista’ jkun li dik hija l-aħjar għażla? Nemmnu li meta t-tfal jitlobu bil-ħniena biex ma jitħallewx waħedhom ma’ ġenitur li jista’ jweġġagħhom, jew hemm provi biżżejjed li dan huwa l-każ, is-soċjetà u dawk responsabbli, għandhom jisimgħuhom. Għandhom jieħdu azzjoni fl-aħjar interess tat-tfal.
Hemm ukoll lakuna legali li ftit qegħdin jirrealizzaw. Din hija li llum żagħżugħ ta’ 16-il sena jista’ jkun Sindku u jiddeċiedi għall-komunità kollha. B’kuntrast, iżda, dan l-istess żagħżugħ ma jistax jiddeċiedi ma’ min, kif u meta, irid iqatta’ ħinu “bħala minuri”. Nemmnu li din in-nuqqas ta’ konsistenza għandha tiġi indirizzata llum qabel għada permezz ta’ tibdil leġislattiv.
Ma nistgħux ninsew li kull deċiżjoni jew indeċiżjoni li tħalli lit-tfal f’sitwazzjonijiet ta’ abbuż se tħalli riperkussjonijiet fit-tul mhux biss fuq il-ħajja personali tagħthom, iżda wkoll fuq is-soċjetà kollha. Il-konsegwenzi ta’ trawmi bħal dawn jakkumpanjawhom fl-edukazzjoni, fir-relazzjonijiet u fil-ħajja professjonali.
Mhuwiex aċċettabbli li wara li vittma ta’ vjolenza domestika tagħmel il-pass kuraġġuż li titlaq minn ambjent tossiku, tkompli tbati flimkien ma’ wliedha minħabba deċiżjonijiet jew proċessi li ma jħarsux l-aħjar interess tat-tfal. Dan iwassal għal dak li nsejħu “double victimisation”. Din hija sitwazzjoni meta s-sistema nnifisha, flok issir sors ta’ protezzjoni, issir ukoll strument ta’ tbatija.
Għaldaqstant, huwa essenzjali li l-professjonisti – ħaddiema soċjali, psikologi, terapisti u l-ġudikatura – ikunu mhux biss imħarrġa iżda wkoll konxji sewwa tal-mod kif jaħdmu ġenituri narċissisti. Is-sistema trid tkun kapaċi tagħraf dan l-abbuż sottili u tipproteġi lil min huwa l-aktar vulnerabbli, jiġifieri lit-tfal.
Huwa għalhekk li nemmnu li hemm bżonn ta’ bidla fil-mentalità u fil-qafas legali tagħna. Li dan tal-aħħar ikun prattiku fejn tassew jagħti prijorità lit-tfal. L-ewwel u qabel kollox, għandna nħarsu lejn il-benesseri tagħhom. Jekk ma nagħmlux dan, inkunu qegħdin inħallu lil dawn il-vittmi ċkejknin iġorru piżijiet kbar li se jibqgħu magħhom tul ħajjithom kollha u konsegwentement inkunu qegħdin ukoll inħallu ħsara kbira fis-soċjetà tagħna.