Ftit tal-ħin ilu ġie kkonfermat mejjet ir-raġel li għall-ħabta tat-3.00pm għereq f’Ras ir-Reqqa Marsalforn.
Intant fi stqarrija l-Pulizija qalu li l-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li raġel ta’ 34 u residenti Għajnsielem, Għawdex, sab ruħu f’diffikultà waqt li kienu qed jgħum. Xi nies li kien hemm fil-viċin taw l-ewwel għajnuna u tellgħu lir-raġel mill-baħar. Il-vittma minnufih ingħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex b’ambulanza. Sfortunatament huwa kien iċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
ll-Maġistrat Dr Brigitte Sultana LL.D ġiet infurmata bil-każ u fetħet Inkjesta Maġisterjali.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.
Aktar kmieni: Tinstab il-persuna mitlufa fil-baħar f’Għawdex
Wara tfittxija intensiva mill-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u anke mill-Forzi Armati ta’ Malta, itellgħet mill-baħar il-persuna li għall-ħabta tat-3.00pm ġiet irraportata li ma niżlet tgħodos u ma telgħetx lura. Kienu l-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili li tellgħu l-persuna l-art.
Dan is-sit jinsab informat li l-persuna hu raġel u residenti Għawdex.
Fuq il-post kien hemm tim mediku mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li mill-ewwel bdew jagħtuh l-ewwel għajnuna. Minħabba li t-triq ta’ Marsalforn hija magħluqa f’direzzjoni waħda, inżamm it-traffiku kollu fir-Rabat, biex b’hekk bl-iskorta l-ambulanza tkun tista’ titla’ kontra l-linja.
Il-kundizzjoni tiegħu s’issa għadha mhix magħrufa…
Aktar kmieni: Tfittxija fil-baħar għal persuna f’Ras ir-Reqqa f’Għawdex
Dan is-sit jinsab informat li bħalissa għaddejja tfittxija għal persuna li kienet qiegħda tgħum f’Ras ir-Reqqa limiti taż-Żebbuġ Għawdex.
Sorsi qrib dan is-sit qalulna li xi persuni ċemplu għall-għajnuna wara li kien hemm persuna li kienet qiegħda tgħum u ma baqgħetx tidher. Jidher li r-rapport daħal għand l-awtoritajiet għall-ħabta tat-3.00pm.
Fuq il-post bħalissa hemm il-Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili li qegħdin jipprovaw isibu lill-persuna mitlufa. Jgħinu fit-tfittxija hemm ukoll il-Forzi Armati ta’ Malta kif ukoll tim mediku mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Aktar dettalji dalwaqt…