Sunday, December 22, 2024

Tfittxija għal sottomarin turistiku li għeb fi triqtu lejn il-fdalijiet tat-Titanic

... ġlieda kontra l-ħin minħabba l-provvista tal-ossiġnu

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat skattat operazzjoni kbira ta’ tfittxija u salvataġġ bi tħassib dwar il-ħajja ta’ dawk abbord.

Dan wara li sottomarin turistiku li kien jieħu n-nies biex jaraw il-fdalijiet tat-Titanic intilef fl-Oċean Atlantiku. 

Id-ditta tat-turs OceanGate, li tmexxi dawn il-vjaġġi ta’ madwar $250,000 kull persuna, qalet li kienet qed tesplora l-għażliet kollha biex l-ekwipaġġ jerġa’ lura b’mod sigur. Hija żiedet tgħid li kemm il-gvern kif ukoll ditti oħra li joperaw f’baħar fond kienu qegħdin jgħinu fl-operazzjoni.

Is-sottomarin nieqes huwa maħsub li jżomm ħames persuni u normalment jogħdos bi provvista ta’ ossiġnu għal erbat ijiem. Sfortunatament s’issa mhux magħruf meta ntilef il-kuntatt.

“L-attenzjoni kollha tagħna tinsab fuq il-membri tal-ekwipaġġ u l-familji tagħhom,” qalet id-ditta OceanGate fi stqarrija.

Skont il-websajt tagħha hemm żewġ vjaġġi oħra li ġew pjanati għal Ġunju tas-sena li ġejja.

It-Titanic għereq fl-Oċean Atlantiku fl-1912 waqt vjaġġ bejn Southampton u New York b’iktar minn 2,000 passiggier abbord li minnhom għerqu 1,500. Il-fdalijiet tiegħu kienu nstabu fl-1985.

Ekonomija

Sport