Għall-ewwel darba Malta ser ikollha security stewards b’mod regolat f’postijiet fejn isiru avvenimenti sportivi. Dawn l-istewards ser jikkumplimentaw ħidmet l-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija, li f’dawn l-avvenimenti issa ser ikunu jistgħu jiffokaw aktar fuq id-dmirijiet ewlenin tagħhom (police core duties) bil-għan li l-familji Maltin u Għawdxin ikunu dejjem aktar siguri.
Dan permezz ta’ liġi ġdida li ser twassal biex persuni mħarrġa u liċenzjati jkunu jistgħu jagħtu s-servizz tagħhom. Dan il-qafas regolatorju mhux biss jintroduċi dawn l-istewards, imma jinkariga wkoll il-Korp tal-Pulizija, mil-liċenzjar kemm tal-aġenziji ta’ dawn l-istewards tas-sigurtà kif ukoll tal-istewards infushom. Dan flimkien mal-kriterji ta’ skwalifika tal-liċenzja u d-dmirijiet u l-obbligi kemm għall-aġenziji u għal stewards tas-sigurtà.
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri spjega li, “Din hi bidla li tilħaq għanijiet differenti. Fuq naħa qed nimmodernizzaw is-sistemi ta’ sigurtà fejn iseħħu avvenimenti sportivi, billi nintroduċu sistemi li f’pajjiżi oħra ilhom jintużaw. Fuq naħa oħra qed inkomplu nagħmlu bidliet li permezz tagħhom il-Korp tal-Pulizija jiffoka fuq dak li hu l-iktar mistenni minnu, il-prevenzjoni tal-kriminalità, l-infurzar tal-liġi u ż-żamma tal-ordni. B’dan il-mod il-faċilitajiet sportivi lokali qed jaddottaw sistemi ta’ stewards simili għal li wieħed isib f’avvenimenti sportivi internazzjonali. Naturalment, l-esperjenza miksuba mill-pulizija tul is-snin se noffruha lill-amministrazzjoni sportiva bit-taħriġ u t-tħaddim tal-liġi.”
L-irwol ta’ dawn l-istewards ser ikun, fost oħrajn, li jikkontrollaw l-aċċess għall-postijiet tal-isport u jużaw tagħmir elettroniku biex jiċċekkjaw l-ispettaturi għal affarijiet perikolużi jew projbiti, monitoraġġ għal xi riskju ta’ sigurtà jew theddid filwaqt li jassistu lill-Pulizija kif meħtieġ. L-għan tal-introduzzjoni ta’ dawn l-istewards huwa wkoll li jassistu f’dik li hija ordni u sigurtà.
Qabel wieħed ikun jista’ japplika biex jingħata l-liċenzja ta’ security steward irid ikun temm b’suċċess kors ta’ taħriġ li jkun rikonoxxut mill-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti (AIMS) u approvat mill-Korp tal-Pulizija.
Il-komunità sportiva ta’ Malta jistħoqqilha rispett u protezzjoni. Għalhekk, dawn ir-riformi jintroduċu wkoll miżuri aktar b’saħħithom biex jiskoraġġixxu u jippenalizzaw lil dawk li jinvolvu ruħhom fi vjolenza, diskors ta’ mibegħda, jew imġiba ħażina. Dawk li jiksru l-liġijiet tal-ordni pubbliku se jiffaċċjaw ukoll, apparti l-akkużi misjuba fil-kodiċi kriminali, konsegwenzi serji oħra, fosthom:
- Multi ogħla għal reati mwettqa f’postijiet sportivi, li jvarjaw minn €500 sa €5,000.
- Projbizzjoni mandatorja milli jattendu avvenimenti sportivi għal perjodu ta’ bejn sitt xhur u ħames snin.