Mara ddeskriviet kif hija bdiet tibża’ għal ħajjitha wara li klijent allegatament sar vjolenti fil-konfront tagħha u stupraha.
Hija kienet qiegħda tixhed fil-kumpilazzjoni li għaddej raġel ta’ 25 sena – Humair Yaqoob – li jinsab mixli li stupraha u li żammha kontra l-volontà tagħha fost oħrajn. Huwa qed jiċħad l-akkużi miġjuba kontrih.
Il-mara, li ddikjarat li ilha taħdem bħala escort għal dawn l-aħħar ħames snin, xehdet permezz ta’ video-conference. Hija rrakkontat fil-Qorti kif hi u Yaqoob kienu ftehmu li l-prezz li kellha titħallas kellu jkun ta’ €200 fis-siegħa.
Tgħid li tkellmet miegħu fuq WhatsApp, u meta ltaqgħet mar-raġel, kienet informat lil nisa oħra, li wkoll jagħmlu l-istess, dwar il-postijiet fejn kienet se tkun.
Hija qalet li kollox kien sew għall-ewwel iżda mbagħad meta daħlu f’appartament f’Tas-Sliema, l-imputat beda jgħidilha biex tibqa’ kwieta. Allegat li huwa kien imbuttaha ġewwa l-appartament u kien hawn fejn bdiet tgħajjat għall-ajjut.
Irrakkontat ukoll kif l-imputat allegatament ipprova jifgagħha diversi drabi tant li bdiet tibża’ għal ħajjitha. Qalet li mbagħad waqfet tirreżistih u ħadha f’parti oħra tal-appartament fejn allegatament seħħ l-istupru.
Wara, it-tnejn li huma reġgħu niżlu isfel u l-imputat talabha tibbukkja ‘cab’ permezz tal-mobile tagħha. Waqt li kienu qed jistennew it-taxi, il-mara rat raġel ieħor u talbitu jgħinha, iżda dan irrifjuta.
Yaqoob talabha toqgħod bilqiegħda u ħadilha €10 għat-taxi. Imbagħad hija rat raġel ieħor u bdiet tiġri fid-direzzjoni tiegħu.
Wara li seħħ l-allegat stupru, il-mara waqfet taħdem hekk kif qalet li kienet taħt “xokk kbir”.
Il-mara mistennija tkompli bix-xhieda tagħha f’seduta oħra.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Wayne Buhagiar u Joseph Mallia flimkien mal-Avukati Cynthia Tomasuolo u Krista Spiteri.
L-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit dehru għall-imputat.