Tuesday, December 24, 2024

Tgħid li raġel talabha żżommlu pakketti bid-droga li mingħaliha kienu “ħut imnixxef”

Ħames snin u nofs ħabs talli daħħlet kilo kannabis f’pajjiżna

Aqra wkoll

Niġerjana kienet ikkundannata ħames snin u nofs ħabs wara li ammettiet, flok għaddiet ġuri, li daħħlet id-droga kannabis f’Malta.

Abidemi Abigail Aborishade kienet akkużata b’importazzjoni u pussess tad-droga, u li wettqet reat waqt perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża. 

Il-każ kellu l-bidu tiegħu nhar it-8 ta’ Jannar 2019, meta uffiċjali tad-Dwana stazzjonati l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, kienu waqqfu lill-akkużata mal-wasla tagħha b’titjira minn Treviso, l-Italja. 

L-akkużata kienet għaddiet mill-‘blue channel’ tal-ajruport, u bħala proċedura twaqqfet għall-kontroll tal-flus mill-uffiċjali tad-Dwana. Fil-bagalja tagħha kienu nstabu ħames pakketti li qanqlu suspett lill-uffiċjali u wara rriżulta li dawn kien fihom id-droga kannabis.

Hija kienet ingħatat id-drittijiet tagħha skont il-liġi u d-dritt tal-assistenza legali. Il-mara spjegat li waqt li kienet l-Italja, raġel ta’ karnaġġjon skur li ma kinitx tafu kien avviċinaha u talabha żżommlu dawn il-pakketti li kien mingħaliha li huma “ħut imnixxef”.

Hija żiedet tirrimarka li waqt li l-uffiċjali tad-Dwana kienu qed jagħmlu tfittxija fil-bagalja tagħha, dak ir-raġel kien magħha madankollu ma kienx twaqqaf u rnexxielu jibqa’ għaddej.

Irriżulta li għalkemm hu minnu li kien hemm persuna ta’ ġilda skura viċin l-akkużata mal-wasla tagħha f’pajjiżna, meta kienet mistoqsija speċifikatament jekk dan ir-raġel kienx magħha, hija wieġbet fin-negattiv u ċaħdet li kienet taf lil din il-persuna. 

Minn aktar stħarriġ irriżulta li kienet qiegħda ġġorr kilogramma kannabis b’purità ta’ madwar 6%, u b’valur fit-triq ta’ bejn €10,000 u €28,000.

Il-Qorti Kriminali, preseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja, rat li Aborishade kienet qiegħda tammetti għall-akkużi miġjuba kontra tagħha u li kien hemm qbil bejnha u l-Avukat Ġenerali dwar il-piena li kellha tingħata. 

Kien għalhekk li l-Qorti kkundannatha ħames snin u sitt xhur priġunerija flimkien ma’ multa ta’ €23,000.

Ekonomija

Sport