Qegħdin ngħixu f’dinja fejn l-affarijiet llum jinbidlu b’mod malajr ħafna. B’mod mgħaġġel li xi drabi lanqas tlaħħaq miegħu. Kien hemm żmien meta organizazzjoni, għaqda jew istituzzjoni kull tant żmien kien ikollha bżonn tagħmel tibdil u tiġdid. Dan għax ikun beda jinħass li l-affarijiet ma kienux qegħdin jimxu kif kien ippjanat jew bl-effiċjenza ta’ qabel. Tiġdid u tibdil li ma kienx isir spiss, kif kienu ċ-ċirkostanzi dak iż-żmien. Fid-dinja ta’ llum iżda dan it-tibdil u tiġdid irid iseħħ aktar spiss.
Għax kif jgħid il-Malti, “Min ma jbiddilx iqammel”. Jekk ma tiġġeddidx u ma tbiddilx, ir-riżultat ikun staġnar u nuqqas ta’ riżultati. F’kull organizazzjoni, ħadd mhu indipensabbli, għax kif ngħidu, ‘imut Papa u jilħaq ieħor’. U hu għalhekk li f’organizazzjoni ikun hemm bżonn li nies li wara li jkunu għamlu zmien f’amministrazzjoni jew fi tmexxija, iwarrbu biex jagħmlu post għal ħaddieħor. Mhux dejjem hi faċli għal dak li jkun li jwarrab. Wieħed jifhimha. Ikun hemm min jargumenta li għax kien hemm min warrab hemm l-inkwiet, hemm nuqqas ta’ qbil, hemm il-problemi.
F’kull organizazzjoni, l-argumenti, il-battibekki u d-diżgwid huma parti mit-tmexxija u allaħares ma jkunx hemm. Organizazzjoni bla battibekki, bla diżgwid hi organizazzjoni staġnata u bla ħajja. Id-diżgwid u l-battibekki għandhom ikunu hemm. Għax jgħin lil dik l-organizazzjoni tinbidel. Tirranġa fejn ma jkunx sejjer tajjeb. Tiġġedded biex tkompli miexja ‘lquddiem.
Ngħiduha kif inhi mhux proċess faċli. Kemm biex tibdieh u kemm biex tgħaddi minnu. Proċess li minnu nfih jista’ anke jikkawża problemi ukoll.
Hu proċess li qegħdin narawh għaddej fil-Partit Laburista. Ir-riżultat fl-aħħar elezzjoni kien ċar ħafna. Ħareġ fil-beraħ il-vot ta’ protesta u għalhekk kien hemm bżonn it-tibdil.
Il-Partit Laburista llum qiegħed juri li kif dejjem kien fl-imġħoddi, għadu l-katalist tal-bidu. Il-Partit Laburista qiegħed jirrikonoxxi li hemm bżonn t-tiġdid. Qiegħed jirrikonoxxi li hemm bżonn nifs ġdid. Li hemm bżonn ideat ġodda biex jibdlu u jieħdu post lil dawk li skadew. Dan hu l-proċess li hemm bżonn biex il-moviment jibqa’ miexi ‘lquddiem.
Rajna fl-aħħar jiem l-integrazzjoni mill-ġdid ta’ persuna li kienu tbiegħdu mill-istess partit. Ovvjament li sar għadu mhux biżżejjed. Għad hemm nies oħra li għadhom iddistanzjati. Hemm oħrajn li lesti jikkontribwixxu u twarrbu jew ingħataw ċertu tikketti biex jidhru koroh. Nemmnu li dawn ukoll għandhom jiġu integrati lura, u wieħed jistenna li dan se jsir meta tidħol il-ħidma tad-Deputat Mexxej il-ġdid.
Illum qegħdin naraw Partit Laburista li qiegħed jagħmel passi biex jinbidel u ma jibqax spettatur. Din hi ħidma delikata. Fuq kollox wieħed irid li tinżel għal livell tan-nies.
Tisma’ l-problemi tagħhom. Tisma’ u tibda taġixxi. In-nuqqas ta’ infurzar li tħossu kullimkien fl-ibliet u fl-irħula. Il-fatt li donnu l-ekonomija, il-flus u l-profitti saru qabel kulħadd. Dawn saru importanti aktar minn dak l-anzjan li ma iimxix sew u jkollu jinżel fi triq b’periklu għal saħħtu għax il-bankini ittieħdu mill-imwejjed.
Il-problema tat-traffiku li tibqa’ tippersisti. L-inkonvenjenzi mis-siti ta’ kostruzzjoni li minkejja l-ilmenti u inċidenti, nibqgħu nesperjenzawhom.
Il-problemi soċjali li daħlu bħal prekarjat, il-mod kif qed jitħaddmu ħaddiema barranin. Il-fatt li għandna min qed ikun sfurzat jaħdem fil-black market, problema li ilha magħrufa u fuqha baqa’ ma sar xejn. Fuq kollox il-bżonn li nkunu aktar umani, anke ma’ dawn il-ħaddiema sħabna l-barranin. Dawn jibqgħu ukoll ħaddiema bid-drittijiet u d-dinjità tagħhom. Il-problemi mhux żgħar fl-akkomodazzjoni soċjali, fejn ħafna llum ma jifilħux jixtru u lanqas jistgħu jissellfu u allura jkollhom jidħlu fil-kera bi prezzijiet li dejjem telgħin.
Fil-ħidma li trid issir wara li jinħatru l-karigi fit-tmexxija u l-amministrazzjoni, trid tispikka l-għaqda. Wieħed irid ixammar il-kmiem u jaħdem għal dak li jkun tfassal. Jaħdem għal prinċipji xellugin, għall-prinċipji umani. Ħidma li fiha trid tispikka l-umiltà. B’hekk biss tista’ taqta’ l-frott għall-ħidma li tkun qed twettaq.