Wednesday, April 23, 2025

Tħalli lil ħadd jgħidlek li m’intiex tajjeb biżżejjed u li jipprova jiddermoralizzak – Lenny Mattocks

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn etá żgħira ta’ sitt snin meta l-ġenituri tiegħi kienu ħaduni nittrenja fin-nursery ta’ Hamrun Spartans FC.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Swieqi United FC.
Dan kien it-tieni staġun tiegħi ma’ Swieqi United FC. Ninsab kuntent għax qiegħed fi klabb li jaħdem b’mod professjonali ħafna bi staff tkeniku dedikat u jidħlu fid-dettall bi grupp ta’ plejers ta’ livell tajjeb li kulħadd jaħdem għal għan wieħed. Inħoss li dan l-istaġun kien wieħed pożittiv ħafna għalija personali.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda, fejn għal ftit ma ksibtux il-promozzjoni għall-Malta Premier?
Dan l-istaġun kien wieħed kompetittiv ħafna. L-għan ewlieni tagħna kien li nagħmluha mal-ewwel tmienja li rnexxielna nilħquh, li mbagħad sibna ruħna niġġieldu għall-promozjoni b’sensiela ta’ logħbiet li konna konsistenti fihom u li tajna logħba lil kull tim. Il-promozjoni ma ksibnihiex peró għall-klabb kien staġun ta’ suċċess għax spiċċajna fit-tielet post tal-BOV Challenge League li huwa rekord għall-klabb.

U fuq il-kowċ ta’ Swieqi United FC, Pablo Doffo?
Il-kowċ Pablo Doffo huwa kowċ professjonali ħafna, jidħol f’ħafna dettall, u jgħin lil kull plejer biex itejjeb il-logħba tiegħu. Nista’ ngħid li wera fiduċja fija, tani d- debutt mat-tim tal-kbar matul l-istaġun li għadda u din is-sena reġa’ emmen fija fejn nista’ ngħid li tani l-kunfidenza biex nemmen iktar fija nnifsi. Meta jkollok kowċ li jemmen fik, trabbi iktar kunfidenza li taħdem iktar minn qatt qabel biex tkompli tikber fil-logħba tiegħek.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Nemmen li l-livell tal-futbol Malti huwa wieħed tajjeb. L-inklużjoni tal-plejers barranin fil-Malta Premier għen bis-sħiħ biex il-livell taċ-Challenge League jitjieb ħafna iktar għax qed jinżlu plejers Maltin li kienu qed jilagħbu fil-Malta Premier.

U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Fil-BOV Challenge League nilagħbu kemm fil-Victor Tedesco Stadium il-Hamrun u anke fis-Centenary Stadium Ta’ Qali, li ż-żewġ grawnds huma tajbin ħafna.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Jien naħdem u nistinka kuljum biex dejjem inkun aħjar mill-bieraħ. Il-futur ħadd ma rah imma l-għan ewlieni li nkompli nikber fil-logħba tiegħi, li jkolli l-opportunitá li mmur nilgħab barra minn xtutna u li jkolli l-possibiltá li nirrapreżenta lil pajjiżi.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi għal min jixtieq jagħmel karriera fil-futbol hi li ma tħalli lil ħadd jgħidlek li m’intiex tajjeb biżżejjed u li jipprova jiddermoralizzak. Il-futbol jirrikjedi ħafna sagrifiċċji, irid ikollok mentalitá pożittiva u ma taqta’ qalbek qatt!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport