Alex Degabriele huwa tennista Malti ta’ 17-il sena li f’dawn l-aħħar snin qed juri l-potenzjal tiegħu fit-tennis. Sa minn meta kien żgħir beda jieħu dan l-isport bis-serjetà u ftit ftit beda jiżviluppa l-ħiliet tiegħu f’dan l-isport.
Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, Degabriele rċieva aħbar ferm sabiħa hekk kif ġie aċċettat sabiex ikompli t-taħriġ professjonali fl-Istati Uniti filwaqt li kkometta ruħu li jattendi programm professjonali fl-Università ta’ North Carolina Wilmington. Din l-universita’ hi ferm sinonima li għandha faċilitajiet sportivi tal-ogħla livell. Sar magħruf ukoll li t-tennista żagħżugħ Hawn Degabriele se jikkompeti fil-Colonial Athletic Association.
Is-sena 2022 s’issa kienet waħda eċċezzjonali għal Alex Degabriele hekk kif kiseb riżultati tajba fl-ITF Junior Circuit u għadu kemm ġej mit-Turkija fejn kien qed jilgħab fil-G4 ITF Junior Circuit. Hu saħansitra rnexxielu jasal sal-kwarti tal-finali u anke mal-aħħar erbgħa fit-turnaments rispettivi li ħa sehem fihom. Biex l-affarijiet ikomplu sejrin tajjeb għalih, ikkompeta wkoll fid-doubles mal-Amerikan Darwin Blanch u wasal sal-finali ta’ din il-kompetizzjoni.
Talk.mt għamlet kuntatt ma’ Degabriele li deher ferm kuntent bl-aħbar li se jmur f’North Carolina f’Awwissu li ġej.
“Ninsab kuntent li wasalt għal dan it-tragward apparti li stinkajt kemm flaħt u tħarriġt għal numru ta’ sigħat. Il-fatt li se nkompli ntejjeb il-livell tiegħu fl-Istati Uniti hu sinjal tajjeb li nista’ nimraħ aktar f’dan l-isport li tant inħobb.”
Iżda kif beda l-karriera tiegħu fit-tennis?
“Nistqarr miegħek li ħadd mill-familja, la ommi u lanqas missieri, ma kien jipprattika t-tennis. Bdejt inħobb dan l-isport waħdi. Niftakarni nara l-logħob tat-tennis fuq it-televixin u kont nitgħaxxaq nara plejers tajbin f’turnaments rinomati barra minn Malta.”
“It-taħriġ dejjem ħadtu bis-serjetà u kien ta’ sodisfazzjon kbir għalija li bdejt navvanza anke fil-kompetizzjonijiet lokali.”
Sadanittant lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar, Degabriele se jerġa’ jmur lura Sqallija fejn kien qed jitħarreġ b’mod full-time sabiex jilgħab fl-aħħar leg tal-playoffs tal-kompetizzjoni tat-teams. Mat-tim tiegħu hu kellu wkoll kompetizzjoni fit-CT Mediterraneo fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
Degabriele jinsab fiduċjuż li b’dawn l-opportunitajiet tiegħu hu kapaċi jiżviluppa dejjem aktar l-abbiltajiet tiegħu fit-tennis u jirrappreżenta lil Malta f’diversi kompetizzjonijiet maġġuri, li fuq kollox hi l-iktar ħolma li jixtieq li ssir realta’.
Degabriele xtaq jgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fit-tennis.
“L-ewwel nett jekk għandek ħolma ara kif se tagħmel u aħdem sabiex issir realta’. Kollox jibda minn ħolma u bil-mod il-mod meta tistinka u tirsisti, kapaċi ssir realta’.