Thursday, December 26, 2024

Tħassib għal pjani ta’ żvilupp ftit pass bogħod mill-Imdina … meqjus bħal li “se jħassar il-pajsaġġ u joħloq preċedent”

Aqra wkoll

Minn VICTOR VELLA

Żona mill-isbaħ taħt l-Imdina, eżattament int u sejjer lejn Ta’ Qali, qiegħda tkun proposta għal żvilupp. Iż-żona li hi barra ż-żona ta’ żvilupp, qed tintalab li tkun żviluppata f’’canteens’ u li jkunu restorati binjiet ta’ żmien it-Tieni Gwerra Dinjija. Il-binjiet ta’ żmien it-Tieni Gwerra tant huma fi stat ħażin li fadal biss ftit ġebel minnhom.

Din iż-żona, li tinsab qalb il-kampanja u li għandha  pajsaġġ mill-isbaħ, qed titqies bħala li se tiġi imħassra jekk l-Awtorità għall-Ippjanar tapprova din l-applikazzjoni.

Din l-applikazzjoni qed tqajjem tħassib minn diversi kwartieri, li qed iqisu dan l-iżvilupp bħala li mhux aċċettabbli u li se joħloq preċedent.

Fost l-oġġezzjonijiet li qed isiru għal din il-proposta ta’ żvilupp hemm dik ta’ Maria Theresa Demajo li toqgħod viċin. Hi qed isostni li l-binjiet tat-Tieni Gwerra Dinija li huma fi stat ta’ telqa, qatt ma intużaw bħala post li fihom għexu s-suldati.  Irrid ngħid li fis-sena 2016 u fis-sena 2018 ġew sottomessi applikazzjonijiet oħra iżda ma inħarġu ebda permessi.

Apparti dan, anki l-Awtorità għall-Ambjent (ERA), waqt li rrimarkat li m’għandha ebda oġġezzjoni għar-resstawr ta’ strutturi ta’ żmien l-Ingliżi, l-istess ERA qalet li hi imħassba b’dan l-iżvilupp.

L-ERA qalet li l-ammont sostanzjali ta’ art li se tintuża f’dan l-iżvilupp, mhux tipiku għal żvilupp f’żona rurali.  L-ERA qalet li dik iż-żona hi skedata bħala żona ta’ valur għoli f’dak li hu pajsaġġ. L-ERA qed tisħaq   li din l-applikazzjoni jekk tkun approvata tista’ toħloq preċedent għal proposti simili fil-futur f’żoni barra miż-żoni ta’ żvilupp. L-ERA bla tlaqlieq tgħid li dan l-iżvilupp hu oġġezzjonabbli.  

Ekonomija

Sport