Friday, November 15, 2024

Tħassib hekk kif l-Istati Uniti jixtru l-biċċa l-kbira tal-provvista ta’ mediċina kontra l-COVID-19

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

Il-Gvern Amerikan jidher li ħa azzjoni b’saħħitha kontra l-pandemija tal-Coronavirus, liema azzjoni tista’ tħalli lill-kumplament tad-dinja mdendla fin-nofs. 

Fil-fatt, id-Dipartiment federali tas-servizzi umani u tas-saħħa ħabbar li l-Istati Unit xtara l-provvista globali ta’ remdesivir, li hi l-unika mediċina li s’issa għenet biex ifiequ xi pazjent mill-COVID-19. 

Is-Segretarju Alex Azar qal fi stqarrija li l-President Donald Trump leħaq ftehim biex jiżgura li l-Amerikani jkollhom aċċess għall-ewwel mediċina awtorizzata kontra l-COVID-19. 

Din il-mossa nkwetat ħafna lill-pajjiżi tal-Punent, minħabba l-konsegwenzi li jista’ jkun hemm. Dan peress li Gilead hi l-unika kumpanija li għandha l-permess li timmanifattura r-remdesivir u l-Istati Uniti xtraw 100% tal-produzzjoni tagħha għal Lulju, 90% tal-produzzjoni tagħha għal Awwissu u 90% tal-produzzjoni tagħha matul Settembru. 

Filwaqt li fl-Istati Uniti d-diskussjoni hi dwar jekk il-mediċina hix se tkun disponibbli bl-istess mod għal pazjenti sinjuri u oħrajn li huma foqra, fil-kumplament tad-dinja l-problema hi waħda differenti. 

Din il-problema ssemmiet anke mill-Prim Ministru Kanadiż, Justin Trudeau li semma l-perikli li l-Istati Uniti taqbeż lill-pajjiżi tal-Punent fit-trattamenti kontra l-COVID-19. 

Dak li ġara qajjem ukoll tħassib dwar dak li jiġri jekk jinstab vaċċin. Filwaqt li r-remdesivir mhuwiex mediċina li tfejjaq il-Coronavirus kompletament, studji wrew li tista’ tnaqqas kemm il-pazjenti jdumu l-isptar. 

Ekonomija

Sport