Tuesday, December 24, 2024

Tħassib minn operaturi turistiċi Mediterranji

Ix-xejra se tkun li fis-sajf it-turisti jagħżlu vaganzi fit-Tramuntana

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kif kien mistenni ix-xahar ta’ Lulju kien iddikjarat bħala l-aktar perjodu sħun madwar id-dinja, fejn waħda mir-raġunijiet għal dan kienet il-mod kif għoliet it-temperatura tal-baħar. Żoni fi Spanja proprju fl-aħħar kiem irreġistraw temperaturi rekord għal dik iż-żona, liema temperaturi laħqu għal 46 grad Celsius. Lil hinn minn dan, qiegħed jikber it-tħassib minn operaturi turistiċi, li l-mewġiet ta’ sħana fil-Mediterran u l-attenzjoni li ngħataw fl-aħbarijiet jidher li se jwasslu biex fil-futur qrib se jkun hemm turisti u operaturi turistiċi li jippreferu jmorru vaganzi fil-pajjiżi fit-tramuntana għax-xhur tas-sajf milli fin-nofsinhar tal-Mediterran.

Aġent turistiku li tkellem ma’ L-ORIZZONT qalilna li “l-ilmenti mis-sħana huma kostanti. Dawn l-aktar minn persuni ta’ ċertu etajiet. Studenti u żgħażagħ ftit li xejn jagħtu każ. Turisti imma ta’ etajiet akbar, jilmentaw mill-mewġa ta’ sħana. Din toħloqlok sfidi fil-ħruġ u f’tours li jiġu organizzati. Qegħdin insibu min jgħidulna li darba oħra jippreferi jiġi f’xhur fejn is-sħana ma tkunx daqshekk intensa. Il-fatt li f’ħinijiet ta’ wara nofsinhar kellhom joqogħdu ġewwa għax qisu is-sħana bħala insapportabbli, kien ilment li smajnieh ħafna fix-xahar ta’ Lulju”.

Proprju fl-aħħar jiem ħareġ rapport dettaljat minn MasterCard Data li fih qiegħed jiġi indicate b’mod ċar li l-ibbukkjar ta’ vaganzi lejn destinazzjonijiet bħad-Danimarka, il-Finlandja, in-Norveġja, l-Iżvezja u l-Olanda żdiedu għax-xhur tas-sajf meta mqabblin mas-sena 2022.

Lukandier li tkellem ma’ L-ORIZZONT, qalilna li “sa issa f’Malta ma ħassejniex li hawn nuqqas ta’ ibbukkjar. Anzi nista’ ngħid li d-domanda għal pajjiżna hi qawwija ħafna. Il-livell ta’ wasliet ta’ turisti f’pajjiżna għax-xhur tas-sajf hu wieħed qawwi. X’se jiġri fil-futur għad irridu naraw. Hu minnu li ċertu destinazjonijiet qegħdin jaraw żieda fl-ibbukjar ta’ turisti. Naħseb li għadu kmieni biex wieħed jgħid eżattament x’inhi r-raġuni prinċipali qed issir. Il-fatt li l-prezzijiet tat-titjiriet għal żoni fin-nofsinhar tal-Mediterran fis-safj mhumiex irħas, jista’ jkun li qed iwassal turisti biex ifittxu destinazzjonijiet oħra irħas.

Hemm ukoll il-kwistjoni tal-kambju, fejn muniti dgħajfin fl-Iskandinavja jista’ jkun li qed iwassal biex it-turisti jaraw li vaganza hemmhekk għandha aktar valur għall-flus li jkunu nefqu. Proprju hu hawn li aħna bħala pajjiż irridu nagħfsu aktar. Il-mistoqsija li rridu nagħmlu hu dik ta’ jekk lit-turist hux intuh dak li qed jistenna għal flus li jħallas. Meta jmur jiekol, qed iħossu sodisfatt li dak li ħallas ħa valur tiegħu?. Dawn huma domandi li rridu nagħmluhom”, tenna il-lukandier.

Apparti Mastercard kien hemm ukoll wieħed mill-akbar operaturi turistiċi, TUI, li ddikjaraw b’mod ċar ħafna li l-bidla fil-klima se tkun qed twassal biex it-turisti jibdew jagħżlu destinazzjonijiet fit-tramuntana. Fi klem il-Kap Eżekuttiv ta’ TUI, Sebastien Ebel, il-bidla fil-klima se twassal biex se jibdew jiġu offruti aktar vaganzi fis-sajf f’pajjiżi bħall-Belġju, l-Polonja, l-Olanda u l-pajjiżi Nordiċi.

TUI qiegħda tenfasizza li n-nirien kbar li ħakmu l-Greċja u Rodi ħolqulha spejjeż kbar fl-evakawazzjoni tat-turisti, fejn l-ispiża tista’ titla’ anke sa €25 miljun.

L-akbar diffikulta hi li ma tistax timxi għat-tul….
Patricia, turisti Skoċċiża, qaltilna li “lil Malta nħobbha. Ilna niġu hawn. Il-pajjiż jibqa’ jiġbidni.” Mistoqsija kif taffettwaħa is-sħana. “Ix-xemx inħobbuha. Hu għalhekk li niġu fis-sajf. Din id-darba kienet l-akbar darba li batejna mis-sħana. Forsi għax qegħdin nikbru, imma kienet qawwija ħafna għal xi jiem. Mhux faċli għal koppja bħalna ta’ ċertu età biex tivvjaġġa. Tkun wisq sħana biex timxi ċertu distanzi.”

Ekonomija

Sport