Sunday, November 3, 2024

Tħassib minn splużjoni prospettiva fl-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia

Aqra wkoll

Il-gwerra fl-Ukrajna issa daħlet fis-17-il xahar tagħha u jidher li mhux se tintemm malajr, għall-inqas fil-futur qarib. Sa mill-bidu tagħha, il-fokus ewlieni, ġustament kien iffukat fuq it-tbatijiet li l-gwerra qed tikkawża lil nies ċivili, l-iktar b’attakki Russi fuq djar, skejjel, spartijiet u tant postijiet oħra. Ftit li xejn iżda qed tingħata attenzjoni lil sitwazzjonijiet li jistgħu jkunu katastrofiċi mhux biss fl-Ukrajna imma wkoll f’pajjiżi ġirien u anki dawk ftit ‘il bogħod.

Bħalissa qed tiżdied it-tensjoni fl-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia u kemm tkun perikoluża splużjoni jekk isseħħ. Esperti nukleari diġa tkellmu dwar ir-riskji potenzjali ta’ splużjoni fl-akbar faċilità nukleari tal-Ukrajna.

Dan wara li l-ispettru ta’ inċident f’dan l-impjant tal-enerġija nukleari reġa’ qajjem rasu, hekk kif ir-Russja tinsab akkużata li poġġiet “apparat splussiv” fuq is-saqaf tar-reatturi. Fil-fatt, stampi ġodda bis-satellita juru forom mhux identifikabbli fl-impjant nukleari ta’ Zaporizhzhia fl-Ukrajna.

Ir-ritratti wasslu għal sejħiet imġedda biex spetturi internazzjonali jingħataw aċċess aktar sħiħ għall-impjant, wara li Volodymyr Zelenskyy sostna li tpoġġew splussivi fuq il-bjut ta’ tnejn mir-reatturi.

Il-faċilità ta’ Zaporizhzhia għandha sitt reatturi nukleari li kull wieħed minnhom kapaċi jiġġenera madwar 1,000 megawatt ta’ elettriku. Huwa wieħed mill-akbar 10 impjanti tal-enerġija nukleari fid-dinja. L-impjant, f’punt wieħed iġġenera kważi nofs l-enerġija nukleari tal-Ukrajna u aktar minn 20% tal-elettriku ġġenerat fil-pajjiż.

Il-biċċa l-kbira tar-reatturi fil-power station mibnija fl-era Sovjetika nbnew fis-snin tmenin. Fl-impjanti tal-enerġija nukleari, l-elettriku jiġi ġġenerat permezz ta’ proċess ta’ fissjoni nukleari jiġifieri qsim tal-atomi tal-uranju biex issir is-sħana. Dan jintuża biex jagħli l-ilma u joħloq fwar, li jdawwar it-turbini u jiġġenera l-elettriku.

Imma issa r-reatturi tal-impjant ingħalqu bħala prekawzjonijiet ta’ sigurtà u m’għadhomx jipproduċu l-elettriku.

Fl-ewwel jiem tal-invażjoni fi Frar tal-2022, hekk kif it-tankijiet Russi rrumblaw lejn Kyiv fit-Tramuntana tal-Ukrajna, il-forzi Russi avvanzaw ukoll fuq l-impjant ta’ Zaporizhzhia fin-Nofsinhar.

Wara l-ġlied qawwi li matulu l-ħajt ta’ barra ta’ wieħed mir-r-Reattur ħa n-nar, il-ħaddiema fl-impjant ġew infurmati li l-impjant kien taħt il-kontroll ta’ Rosatom, il-kumpanija nukleari statali tar-Russja.

Minn dakinhar, il-biżgħat dwar is-sigurtà fl-impjant ta’ Zaporizhzhia bħala riżultat tal-gwerra li għaddejja baqgħu jiżdiedu minħabba ċirkostanzi li jinbidlu spiss fosthom akkużi kontra xulxin miż-żewġ naħat.

Din il-ġimgħa fil-fatt, ir-Russja u l-Ukrajna akkużaw lil xulxin li ppjanaw biex jagħmlu attakk fuq l-impjant.

Volodymyr Zelenskyy tkellem dwar “provokazzjonijiet perikolużi” fl-impjant, u l-forzi armati tiegħu wissew li “apparat splussiv” tqiegħed fuq il-bejt tar-reatturi 3 u 4 nhar it-Tlieta.

Min-naħa tiegħu, Renat Karchaa, konsulent tal-kap ta’ Rosenergoatom, li topera n-netwerk nukleari tar-Russja, qal li l-Ukrajna ppjanat li titfa fuq l-impjant munizzjon imwaħħal ma’ skart nukleari miġjub mill-ħames stazzjonijiet nukleari l-oħra tal-pajjiż. Huwa iżda ma offra l-ebda evidenza biex isostni l-allegazzjoni tiegħu.

B’rapporti mhux verifikati li qed jiċċirkolaw li l-forzi Russi qed jibdew jitilqu mill-impjant tal-enerġija, hemm tħassib li jista’ jseħħ xenarju simili għall-isplużjoni fid-diġà ta’ Nova Kakhovka.

Hekk kif l-Ukrajna u r-Russja qed ikomplu jakkużaw lil xulxin li qed jippjanaw li jikkawżaw splużjoni jew inċident ieħor fl-impjant, dan iqajjem mistoqsijiet dwar x’jiġri kieku splużjoni bħal din isseħħ.

Skont Eugene Shwageraus, professur tal-inġinerija tas-sistemi tal-enerġija nukleari fl-Università ta’ Cambridge, l-impjanti tal-enerġija qegħdin hemm biex jiġġeneraw l-elettriku u l-użu ħażin ta’ kwalunkwe faċilità industrijali huwa ta’ tħassib.

Iżda żied jgħid li l-impjanti tal-enerġija nukleari huma mibnija “pjuttost b’mod robust” u qal li hemm differenza bejn perikli reali u perikli perċepiti.

Minħabba li r-reatturi ġew mitfija xhur ilu, l-aktar prodott ta’ fissjoni perikoluż li kien qed jiġi prodott il-jodju131 li huwa volatili u mobbli ħafna fl-ambjent, u huwa perikoluż għall-bnedmin meta jmiss miegħu.

Sport