Tuesday, June 3, 2025

The Female’ – Wirja ta’ Joanne Mizzi u Pawlu Mizzi

Aqra wkoll

The Female timmarka l-ewwel wirja konġunta mill-aħwa Joanne u Pawlu Mizzi u tlaqqa’ żewġ prattiċi distinti li jersqu lejn il-femminil mhux bħala kunċett wieħed stabbilit, imma bħala preżenza li tinbidel: inkarnata, kontemplata, mgħoddija b’wirt u anki miċħuda.

L-aħwa jesprimu l-arti tagħhom b’mezzi differenti. Filwaqt li Joanne tuża tpinġija ta’ linji fini u forom minsuġa b’reqqa, Pawlu jippreżenta xogħolijiet ta’ collage u pittura iktar spontanji. Permezz ta’ żewġ idjomi distinti ż-żewġ artisti jesploraw it-tensjonijiet u l-kontradizzjonijiet madwar il-femminilità. Ix-xogħol tagħhom jislet minn mitoloġiji personali, sentimenti kulturali, u memorja emozzjonali, u jikxef fil-beraħ il-vulnerabbiltà, mingħajr spettaklu.

Il-prattika ta’ Joanne tiffoka fuq ir-reklamazzjoni: il-ġisem, il-vuċi, l-intimu li jsir sovran. Pawlu jqis il-femminili bħala xhiedha, mera, bħala xi ħaġa esterna kif ukoll ħajja ġewwa fih. Flimkien, dawn ix-xogħolijiet jippreżentaw riflessjoni kuntrastanti dwar il-kumplessità bejn l-aħwa, bejn is-sessi, u bejn lingwaġġi artistiċi.

Dan mhuwiex tentattiv biex jiġi definit “il-femminil jew il-mara.” Hija stedina sabiex nirriflettu fuq il-preżenza, il-pressjonijiet u l-possibbiltajiet li toffri, f’żewġ ħajjiet iffurmati mid-differenza, il-prossimità u l-eku twil ta’ għeruq komuni.

Il-wirja tiftaħ nhar it-Tlieta 3 ta’ Ġunju fis-7:30pm u tibqa’ għaddejja sal-21 ta’ Ġunju fil-Gallerija tal-Arti Gemelli, f’Ta’ Qali. Kulħadd huwa mistieden.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport