Friday, November 15, 2024

THEDDID FUQ IL-FAMILJA JDGĦAJJEF IS-SOĊJETÀ

Aqra wkoll

Waħda mit-theddidiet li qed tiffaċċja is-soċjetà tagħna hi t-theddida fuq il-familja – it-tkissir taż-żwiġijiet. Illum saret xi ħaġa komuni li ħafna li tisma bi żwiġijiet li qed jitkissru. Anki żwiġijiet li ilhom ammont konsiderevoli ta’ żmien.  Din hi pjaga, li  qed iseħħ minħabba l-istili ta’ ħajja ġodda li daħlu. Fuq kollox dan qed jiġri għax illum il-bniedem sar ferm u ferm aktar egoist u qed jaħseb aktar fih innifsu. L-ewwel jien, it-tieni jien u t-tielet niġi jien ukoll. 

U dan minnu nfih qed ikollu effett mill-aktar negattiv fuq it-tfal. Ulied li jispiċċaw qishom ping pong bejn il-ġenituri. Jidħlu impiki kbar u xi drabi jsiru affarijiet li lanqas timmaġinahom, bil-ġenituri jimpikaw fuq uliedhom. Jiddispjaċina ngħidu li mbagħad issib tfal oħrajn ftit imfarfrin u malajr tinduna li waqt li l-omm u l-missier qabdu triqat ġodda, it-tfal tagħhom imfarfrin jinsabu għal rieħhom.

Illum qegħdin ngħixu f’realtajiet ferm u ferm differenti minn dawk ta’ snin ilu. Dan qed iwassal biex anke iż-żwieġ jieħu xejra oħa. Illum hawn żgħażagħ li tismagħhom jgħiduhielek ċar u tond li ma jimmaġinawx li jagħmlu ħajjithom ma’ sieħeb wieħed. Dan jurik li r-realtajiet ta’ llum, wasslu biex anke biddlu is-sinifikat taż-żwieġ għal ċerti individwi.

Iż-żwieġ bil-Knisja, li fl-aħħar snin rajnieh dejjem inaqqas mis-saħħa tiegħu u dan hekk kif baqgħu dejjem aktar jiżdiedu l-ammont ta’ żwiġijiet ċivili, illum  qed jaffaċċja numru ta’ sfidi ġodda. Dan l-aktar għax il-familja saret waħda fragmentata. L-istituzzjoni tal-familja tbiddlet minn istituzzjoni bijoloġika li hija ffukata fuq it-trobbija tat-tfal u l-benessere tagħhom, għal istituzzjoni li tenfasizza fuq il-bżonn u x-xewqat emozzjonali ta’ żewġ persuni lejn xulxin. 

Nemmnu imma  li waħda mir-raġunijiet għat-tkissir ta’ żwiġijiet hi l-ħajja konsumerista li qed ngħixu fiha llum. Ħajja fejn l-ispejjeż tal-familji żdiedu bil-kbir. Għandna sitwazzjonijiet fejn minħabba xogħol jew impenji, ir-raġel u l-mara bilkemm għandhom ħin għal xulxin. Dan biex ma nsemmux  l-istress u l-materjaliżmu.

Nemmnu li f’pajjiżna, lil hinn mill-ġirjiet sfrenati ta’ kuljum, irridu nibdew naraw bis-serjetà kif il-familja se tibqa’ l-bażi tas-soċjetà. Hu fatt ċar u dan rajnieh iseħħ fl-aħħar snin li aktar ma tiddgħajjef il-familja aktar tiddgħajjef is-soċjetà.

Ekonomija

Sport