Sunday, February 8, 2026

Theddid militari u l-indifferenza ma jsolvux kunflitti

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem rajna t-tensjoni fil-Lvant Nofsani tiżdied b’mod partikolari hekk kif l-Istati Uniti u l-Iran tefgħu dikjarazzjonijiet ta’ theddid lejn xulxin. L-Istati Uniti immedjatament saħħet il-preżenza militari tagħha fil-Gulf. Ma’ dan, l-istess Stati Uniti ħarġet avviż għar-residenti tal-Istati Uniti biev jevakwaw l-Iran b’mod immedjat. Din it-twissija ħarġet proprju ftit ħin qabel bdew taħdidiet bejn l-Istati Uniti u l-Iran, l-ewwel diskussjonijiet bejniethom mindu seħħ il-kunflitt bejn Iżrael u l-Iran u li dan kien wassal biex ġew attakkati dawk li kienu ġew deskritti bħala faċilitajiet nuklejari.

Waqt li għaddej dan, fl-Iran komplew għaddejjin il-protesti. Dawn ilhom għaddejjin minn l-aħħar ta’ Diċembru. Protesti minn sezzjonijiet sħaħ tal-poplu Iranjan, li spiċċa jiffaċċja ripressjoni kontinwa. Rajna uffiċjali tas-sigurtà isuqu bil-karozzi fuq il-protestanti. Arresti arbitrarji. Vjolenza u l-qtugħ tal-internet u tal-mezzi tal-komunikazzjoni biex ir-reġim ibeżża’, isikket u jiċċensura lill-poplu. Il-vittmi tar-ripressjoni tar-reġim jitilgħu għal eluf, għalkemm hemm ammonti li jvarjaw skont is-sors li jkun qed jgħidhom. 

Minkejja dak li għaddej fl-Iran, sa issa rajna indifferenza minn ħafna pajjiżi tal-Punent. Quddiem il-ħruxija li twettqet, rajna l-Unjoni Ewropea tiddikjara l-Korp tal-Gwardja Rivoluzzjonarja Iranjana (IRGC)  bħala organizzazzjoni terroristika. Saru sejħiet għal sanzjonijiet, iżda l-Unjoni Ewropea baqgħet indifferenti.

Il-mod kif dak li qiegħed jiġri fl-Iran u dak li seħħ, ma ġabx azzjoni immedjata mill-Unjoni Ewropea juri d-djgħufija tal-Unjoni Ewropea fejn tidħol il-politika internazzjonali. Juri ukoll li għal darba oħra qegħdin naraw Unjoni Ewropea li qiegħda timxi b’mod differenti, jekk tqabbilha ma kif imxiet fir-rigward tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna, fejn dakinhar l-Unjoni Ewropea aġixxiet ferm differenti ma’ kif qiegħda taġixxi mar-ripressjoni tal-Iran u anke mal-mod kif trattat l-attakki kontinwi u li għadhom sejrin ta’ Iżrael fuq Gaża. 

Dak li qiegħed iseħħ fl-Iran hu  ripressjoni sistematika, fejn il-ġustizzja qed tintuża bħala arma kontra l-poplu Iranjan stess. 

Irridu nirrimarkaw li aktar ma ttul l-indifferenza, aktar ma ttul in-nuqqas ta’ azzjoni, aktar se jkun hemm ksur ta’ drittijiet tal-bniedem fl-Iran. Aktar se jkun hemm vittmi. 

Minkejja li l-awtoritajiet qatgħu l-komunikazzjonijiet u qerdu l-evidenza, huwa ċar li r-reġim, din id-darba ħafna aktar minn qabel, ħass theddida bla preċedent minn inkwiet madwar il-pajjiż, ta’ nies li ma ddejqux juru r-rabja fil-pubbliku u sfida mhux biss il-politika tiegħu iżda anke l-eżistenza tiegħu stess. Instemgħu stejjer u esperjenzi ta’ nies li rrakkontaw li l-forzi tas-sigurtà sparaw lin-nies u kien hemm l-arrest ta’ tobba talli għenu lill-feruti.

Kellna sitwazzjoni li ftit ingħatat importanza. Kellna lill-President tal-Istati Uniti Donald Trump li kif bdew il-protesti tkellem u wiegħed li l-għajnuna tinsab fi triqitha. Ġara iżda li imbagħad l-istess Trump beda jnaqqas mill-importanza ta’ dak il-massakru li kien qed iseħħ. It-ton bidlu.  Dwar dan iqumu għadd ta’ mistoqsijiet.  

F’daqqa waħda imbagħad ġiet it-twissija mill-istess “President tal-Istati Uniti li armata massiva sejra. F’daqqa waħda għall-Istati Uniti il-protesti ingħataw il-ġenb. Intesew. Bdejna nisimgħu imbagħad narrattiva fuq l-armi nuklejari.  Anki l-Viċi President JD Vance f’dikjarazzjoni li għamel qal li laqgħa mal-Iran mhix dwar il-protesti imma dwar l-armi nukleari. 

U ovvjament it-theddida nuklejari u t-theddida ta’ kunflitt,  l-Istati Uniti se tużahom biex tbiegħed l-attenzjoni minn fuq kwistjonijiet oħra li qiegħda tiffaċċja l-amminsitrazzjoni ta’ Trump. Fost dawn l-operat tal-ICE fl-Istati Uniti u l-persekuzzjoni li għaddejja u ma’ dan il-kwistjoni li ħolqot agħa sħiħa tal-‘Epstein Files’. U allura it-theddid mill-Istati Uniti li jista’ jwassal kunflitt ġdid,  jaljena mill-brutalità tal-Infurzar tal-Immigrazzjoni u d-Dwana (ICE)  f’pajjiżu.

Ma nistgħux ma nirrimarkawx li l-possibilità ta’ intervent militari jew kunflitt, iġib  prezz uman enormi u ma jġibx id-demokrazija. Dan rajnieh jiġri f’każi oħra.  U waqt li għaddejja din it-tensjoni, fin-nofs jidħlu pajjiżi li l-interess tagħhom hu divers. Iżrael irid Iran imdgħajjef. It-Turkija, l-Għarabja Sawdija jippruvaw iżommu lill-Istati Uniti lura għax jibżgħu minn Iżrael li jispiċċa jissaħħaħ. Jibżgħu u jitħassbu minn żieda fl-instabbiltà f’reġjun li jipprova jbigħ lilu nnifsu bħala investiment affidabbli. 

Ejja ngħiduha kif inhi, id-dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea  li  poġġiet il-Gwardja Rivoluzzjonarja bħala entità terroristika, hi miżura li fil-biċċa l-kbira tagħha hi simbolika. L-indifferenza tinħass. Żgur li jista’ jsir aktar. Ma ninsewx li dan il-poplu għadu maqtugħ mid-dinja bil-qtugħ tal-internet u l-kommunikazzjoni. Għadhom qegħdin jintilfu l-ħajjiet. Hu ċar ħafna li d-dinja tal-Punent u l-Unjoni Ewropea mhux tkun indifferenti għal dak li qed jiġri fl-Iran imma trid tagħmel pressjoni biex jieqaf il-qtil tal-innoċenti. Tieqaf ir-ripressjoni.   Ikun hemm appoġġ għat-tentattivi biex jerġgħu jgħaqqdu lill-Iranjani mal-internet, u jiffinanzjaw għaqdiet non governattivi li jiddokumentaw l-abbużi li qed jitwettqu. Għandu jkun hemm appoġġ lis-soċjetà ċivili u jgħinu biex tissaħħaħ. 

Ma ninsewx li fl-Iran hemm għadd kbir ta’ attivisti. Dawn huma ħarġu fil-beraħ. Huma magħrufa. Hemm bżonn passaġġ sikur lill-attivisti li ħajjithom tinsab fil-periklu. Żgur li l-ebda intervent militari mhu s-soluzzjoni. L-indifferenza  ukoll mhix soluzzjoni għat-tbatija taċ-ċivili Iranjani. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport