Proprju fl-aħħar sigħat intemmu l-laqgħat bejn l-Istati Uniti u l-Iran. Laqgħat li fihom ma intlaħaq ebda qbil għalkemm qiegħed jingħad li dawn se jkomplu. Quddiem dan iżda l-Istati Uniti awtorizzat it-tluq ta’ ħaddiema tal-gvern u l-familji tagħhom minn Iżrael hekk kif qiegħda tkompli tikber it-theddida ta’ attakk mill-Istati Uniti fuq l-Iran.
L-avviż mid-Dipartiment tal-Istat kien ċar. “Iċ-ċittadini Amerikani għandhom “jikkunsidraw li jitilqu minn Iżrael.”
U waqt li nħareġ dan l-avviż forzi militari tal-Istati Uniti komplew jinġabru f’numri kbar fil-Lvant Nofsani u l-ibħra tal-madwar. Azzjoni li mhi xejn għajr theddid. Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump, dak li ried il-Premju Nobel għall-Paċi, fl-aħħar jiem kompla jhedded li jniedi gwerra kontra Tehran. Dan iżda kien qiegħed jagħmlu b’objettivi mhux definiti. It-theddid kien u għadu qiegħed isir mingħajr ma hemm ebda vot fil-Kungress jew l-approvazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan iqajjem mistoqsijiet serji u tħassib.
U llum issa għandna sitwazzjoni fejn it-theddida ta’ gwerra qiegħda terġa’ titfaċċa fuq il-Lvant Nofsani. Matul is-snin rajna l-kunflitt f’dan ir-reġjun. Kunflitt li ħafna drabi il-kawża tiegħu dejjem kienet l-Istati Uniti. Illum f’dan il-kunfltit bejn l-Istati Uniti u l-Iran qegħdin nerġgħu naraw li l-Istati Uniti hi l-kawża.
U ma ninsewx li dan it-theddid fuq l-Iran, qiegħed isir minn President tal-Istati Uniti li tgħidx kemm kien tkellem li jrid il-paċi.
Hu stess kien ikkundanna l-avventuriżmu tal-gwerra tal-amministrazzjonijiet preċedenti f’dan ir-reġjun, ovvjament għamel dan għal skopijiet elettorali.
Illum l-istess Donald Trump, qiegħed jhedded fil-miftuħ lill-Iran b’attakki fuq skala ferm akbar minn dawk ta’ Ġunju tas-sena 2025.
Dan qiegħed isir b’għan speċifiku, li l-attakki jwaqqgħu lir-Reġim Iranjan. Reġim li fl-aħħar ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet beda jiffaċċja rabja kbira mill-poplu u dan spiċċa uża l-vjolenza fuqhom wara l-kollass tal-ekonomija Iranjana.
It-theddid tal-Istati Uniti u l-indħil tagħhom f’materji ta’ pajjiżi oħra iqajjem mistoqsijiet serjissimi. Iqajjem tħassib. Iqajjem dubji dwar l-effettività llum ta’ organizazzjonijiet bħan-Nazzjonijiet Uniti.
Għandna Stati Uniti li permezz tal-President tagħha qiegħda timbotta theddid militari u titkellem fuq gwerra u attakki fuq l-Iran u dan mingħajr m’hemm objettivi definiti. Għal darba oħra qiegħda naraw l-Istati Uniti tinjora n-Nazzjonijiet Uniti.
Dan it-theddid għandu skop u dan hu dak li jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-Istati Uniti fid-diskussjonijiet. Wieħed ma jistax ma jirrimarkax li waqt li issa l-istess Donald Trump qiegħed jitkellem fuq it-theddida nuklejari mill-Iran, f’Ġunju li għadda fl-attakk li kien weetal kien qalilna li l-programm nuklejari tal-Iran kien tħassar bl-attakki li wettaq u li ddeskrivihom suċċess.
Lil hinn minn dawn id-dikjarazzjoni kunfliġġenti, nemmnu li t-theddida ta’ attakk mill-Istati Uniti qiegħda ssir għal diversi skopijiet. Primarjament dak li għax jaħsbu li bl-attakki militari jaqa’ ir-reġim u ovvjament biex jinqered il-programm tal-missili ballistiċi li jaslu fuq distanza twila, liema programm joħloq theddida reali għall-ġirien kollha tar-Repubblika Iżlamika fosthom Iżrael.
Hu fatt li attakki militari, aktarx li mhux se jwasslu biex jaqa’ ir-Reġim Iranjan. Qegħdin ngħidu dan għax rajna fl-aħħar ġimgħat, kif ir-Reġim Iranjan hu determinat li jibqa’ jżomm il-poter. Rajnieh jattakka bil-vjolenza lill-poplu tiegħu stess li kien qiegħed jipprotesta. M’hemm ebda dubju li r-Reġim Iranjan hu indifferenti għall-karbiet tal-poplu Iranjan, li jinsab taħt morsa u fi tbatija kbira minħabba problemi kbar ekonomiċi tal-Iran.
U dan it-theddid militari ipoġġi ukoll fil-mira il-funzjoni tal-istituzzjonijiet fl-Istati Uniti. Dan għax dan it-theddid ta’ attakk fuq l-Iran sar u qiegħed isir mingħajr ma ittieħed vot wieħed fil-Kungress Amerikan. Il-Kungress hu dak li għandu s-setgħa li jiddikjara gwerra. Din rajniha ssir ukoll meta sar l-attakk fuq il-Veneżwela.
U dan it-theddid u l-possibilità ta’ attakk militari qiegħed iseħħ mingħajr ma hemm ebda mandat minn Nazzjonijiet Uniti. Qiegħed isir mingħajr ma hemm ebda attakk fuq l-Istati Uniti. L-uniku argument li qiegħed jinġab hu li l-moralment l-għan hu importanti ħafna u għalhekk kull tip ta’ metodu biex dan jintlaħaq hu ġustifikat.
X’se jiġri għad irridu naraw. Żgur imma li gwerra oħra jew tensjoni ġdida mhix fl-interess ta’ dan ir-reġjun. Dan mhux fl-interess lanqas tal-poplu dinji. Din hi sitwazzjoni perikoluża li tista’ twassal għal gwerra aktar mifruxa.
Sa issa dejjem rajna lil Trump iwettaq attakki jew interventi li tista’ ssejħilhom spettakolari. Dejjem b’istess xejra. Kampanja qasira u wara titħabbar rebħa b’ħafna pompa. Żgur li m’hemm ebda garanzija li dan iseħħ f’każ ta’ attakk fuq l-Iran.


