Thursday, April 9, 2026

Theddida ta’ qerda ta’ ċivilta mhi xejn għajr dgħufija morali

Aqra wkoll

Fl-aħħar sigħat id-dinja tista’ tgħid kienet wieqfa. Tistenna. Waqfien u ansjetà li seħħew hekk kif il-President tal-Istati Uniti hedded li jeqred iċ-ċivilizazzjoni sħiħa tal-Iran. Id-dikjarazzjoni tiegħu kienet ċara ħafna. ‘Ċivilizazzjoni sħiħa se tmut dan il-lejl”. Dan b’rabta mad-deċiżjoni tal-Iran li jibqa’ jżomm magħluq l-Istrett ta’ Hormuż.  

Il-President Amerikan iddikjara fl-aħħar sigħat li nistennew u nkunu nafu aktar il-lejl li ġej (għal lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa) f’dak li sejjaħ wieħed mill-aktar mumenti importanti fl-istorja twila u kumplessa tad-dinja. B’referenza għar-Rivoluzzjoni tas-sena 1979, qal li fl-aħħar se jinġiebu fi tmiemhom 47 sena ta’ theddid, korruzzjoni u mwiet. Temm il-messaġġ tiegħu bil-kliem “Alla jbierek il-poplu kbir tal-Iran”.

Wara id-dinja ħadet nifs. Dan għax tħabbar li l-Istati Uniti u l-Iran laħqu ftehim għal waqfien mill-ġlied għal ġimagħtejn. Il-President Trump iddikjara li kundizzjoni ewlenija hija l-ftuħ tal-Istrett ta’ Ħormuż. Ovvjament kif mistenni kulħadd beda jgħid li din hi rebħa għan-naħa tiegħu. L-aħbar tal-ftehim ġiet milqugħha b’ferħ minn dawk fl-Iran li jappoġġjaw ir-reġim immexxi mill-Mexxej Suprem Mojtaba Khamenei. Ħafna Iranjani ħarġu jiċċelebraw bi bnadar tal-Iran u ritratti ta’ Khamenei.

Kif mistenni u kif ġara drabi oħra qabel f’sitwazzjonijiet differenti, Trump ħareġ jgħid li hu laħaq l-objettivi. 

Ma nistgħux ma nirrimarkawx fuq it-theddida ta’ qerda li għamel Trump. Qerda ta’ ċivilizazzjoni. Hu fatt li jgħid ħafna kliem u ħafna drab imur lura minnu, imma it-theddida kienet hemm u ċara ħafna. M’hemmx dubju li meta Kap ta’ Stat jagħmel theddida bħal din, turi li jinsab dahru mal-ħajt. Dikjarazzjoni bħal din ma tista’ qatt titqies sinjal ta’ saħħa. Dikjarazzjoni bħal dik hi dgħufija morali. Fuq kollox turi nuqqasijiet kbar fl-istrateġija li intużat u li din rajniha sa mill-bidu tal-kunflitt. Ibda mir-raġuni vera għaliex l-Istati Uniti u Iżrael bdew din il-gwerra, raġuni li baqgħet qatt mhi ċara. Apparti dan, rajna kif ħafna pajjiżi ma riedux ikollhom x’jaqsmu ma’ dan il-kunflitt. In-NATO, tkellmu dwar in-nuqqas ta’ pjan strateġiku koerenti kif ukoll kwalunkwe ġustifikazzjoni legali. Il-gwerra li kellha ddum erba’ ijiem biex l-Iran iċedi, issa kienet ilha għaddejja għal aktar minn xahar. 

U ejja ngħiduha kif inhi, kif f’dan il-kunflitt mibdi mill-Istati Uniti u Iżrael, teħel iċ-ċivilità Iranjana u tiġi mhedda bil-qerda? Qegħdin ngħidu dan, għax il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tas-sena 1949 eżattment f’Artiklu 52 jingħad ċar u tond li “ċivili m’għandhomx ikunu l-oġġett ta’ attakk jew ta’ ritaljazzjoni. Oġġetti ċivili huma l-oġġetti kollha li mhumiex objettivi militari. L-attakki għandhom ikunu limitati strettament għal objettivi militari. F’każ ta’ dubju dwar jekk oġġett li normalment ikun iddedikat għal skopijiet ċivili, bħal post ta’ qima, dar jew abitazzjoni oħra jew skola, hux qed jintuża biex jagħti kontribut effettiv għal azzjoni militari, għandu jiġi preżunt li mhux qed jintuża b’dan il-mod.”

U allura hi ċara il-projbizzjoni ta’ attakki fuq miri ċivili. Ma ninsewx li f’kunflitt oħra il-Qorti Kriminali Internazzjonali ħarġet mandati ta’ arrest għal uffiċjali u uffiċjali militari responsabbli għal attakki fuq l-infrastruttura tal-enerġija.  M’hemmx dubju li dan japplika ukoll għall-Istati Uniti. 

Illum għandna sitwazzjoni li b’dak li sar f’dan l-kunflitt, fejn ma ninsewx li inqatlu ammont ta’ tfal Iranjani b’attakk fuq skola, fejn l-Istati Uniti bl-azzjonijiet ta’ Donald Trump kissret kompletament ir-reputazzjoni globali tagħha. Illum l-Istati Uniti, spiċċat bl-azzjonijiet tagħha dgħajfet il-kredibilità morali.  

Għal darba oħra qegħdin naraw li l-gwerra u l-attakki, ma jsolvu xejn. Hi d-diplomazija u li wieħed ipoġġi madwar l-mejda, li jsolvu l-kwistjonijiet. Il-gwerer joħolqu biss vittmi, qerda u aktar tensjoni.

U issa wara li dak li nħoloq mill-President Trump, id-dinja għandha biss triq waħda quddiemha. Dik li tistenna x’se jiġri f’dawn il-ġimagħtejn.  It-tama hi li ma  sseħħx eskalazzjoni devastanti tal-gwerra mibdija mill-Istati Uniti u Iżrael. It-tama tal-popli madwar id-dinja hi li sseħħ il-paċi. Dan hu dak li hemm bżonn fil-Lvant Nofsani, reġjun li ilu mifni mit-tensjonjiet.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport