Sunday, November 10, 2024

Tħeġġeġ lin-nies biex jattendu kunċerti ta’ mużika klassika u operistika

Intervista mas-Soprano Christine Dalli

Aqra wkoll

Is-Soprano Christine Dalli bdiet tkanta ta’ età żgħira mal-Cantores Sancti Juliani, taħt id-direzzjoni tal-Baritone Lino Attard u minn hemm kantat f’diversi festivals korali f’Ruma, Arezzo, Napli u Londra. Hija baqgħet tistudja l-mużika klassika mas-Sur Lino Attard, Soprano Luciana Serra u eventwalment ma’ Dr Andriana Yordanova.  Christine bħalissa qiegħda tkompli tistudja mas-Soprano Juliette Bisazza.

Hija pparteċipat ukoll f’diversi masterclasses mas-Soprano Miriam Gauci, Prof. Laura Sarti, u Prof. Wolfgang Holzmair.  Fl-2013, hi kienet tiforma parti mit-Teatru Manoel Youth Opera u fl-2017-2018 hi ffurmat parti mill-proġett ta’ Monteverdi organizzat mit-Teatru Manoel taħt il-gwida ta’ Marco Mencoboni. Hi kienet ukoll waħda mill-finalisti fil-Malta International Voice Competition. Christine tifforma parti mill-MSOM Opera Studio f’Malta.

Hi pparteċipat ukoll f’numru ta’ kunċerti lokali kif ukoll internazjonali u anke f’diversi opri. Kienet akkumpanjata min-Nissena Philharmonic Orchestra f’Dar il-Mediterran u f’Serradifalco ġewwa Sqallija kif ukoll mal-Junge Philharmonie Wien ġewwa Festival ta’ Schubert fi Vienna u anke fit-Teatru Manoel, fejn fiż-żewġ kunċerti tkantat mużika tal-kompożitur Schubert. 

Christine ġiet issapportjata mill-Arts Council Malta kif ukoll mill-Janatha Stubbs Foundation.

Christine hi gradwata mill-Università ta’ Londra (LSE) u għandha Bachelor’s Degree fil-Banking and Finance.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-mużika u l-kant?

Minn ta’ eta’ żgħira kont esposta ghall-Mużika Klassika. Mal-kor tat-tfal ta’ San Ġiljan bdejt ta’ seba’ snin, il-Cantores Sancti Juliani, kelli l-opportunità nkanta f’diversi kunċerti, festivals korali f’Malta kif ukoll barra minn Malta.  Minn dejjem kelli l-opportunità nisma’ kantanti u strumenti diversi, allura kienet naturali għalija li nsir familjari mal-mużika klassika.  Is-Surmast tal-Kor, kien introduċieni mal-mużika operistika u maż-żmien rabbejt passjoni għall-mużika u għall-kant in ġenerali.  

L-Imħabba tiegħi bdiet għall-mużika sagra meta konna nkantaw mal-kor f’erba’ vuċijiet u konna mmorru f’festivals barra minn Malta biex nirrapreżentaw lil pajjiżna. Maż-żmien ħadt sehem f’xi opri mal-kor ta’ età żgħira – l-ewwel opra li kont ħadt sehem fiha kienet l-opra Romeo u Giulietta ta’ Gounoud.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Soprano lirica.  Dan ir-rwol kemm hu differenti minn dak ta’ vuċijiet oħra?

Il-vuċi tiegħi hi dik ta’ Soprano Lirica. Hi tip ta’ vuċi fejn il-kwalità hi waħda kompluta, soda u vibranti. Għall-grazzja t’Alla għandi reġistru estensiv u nista’ nkanta faċilment kemm noti baxxi kif ukoll noti għoljin b’ċerta saħħa. Infatti, minħabba din ir-raġuni, kien hemm perjodu ta’ żmien, fejn kont ikkunsidrata bħala Mezzo Soprano.  

Inzertajt, li r-repertorju li qiegħda naħdem fuqu bħalissa, hu wieħed li qiegħda nieħu gost nagħmel, bħal eżempju, ir-rwol ta’ Mimi mill-Boheme ta’ Puccini jew La Contessa min Nozze di Figaro ta’ Mozart.

Insomma, imbagħad jekk wieħed għandu janalizza u jidħol iktar fil-profond tas-suġġett, hemm diversi tipi ta’ vuċijiet oħra għal Soprano, bħal eżempju dak ta’ Soprano leġġer jew Koloratura jew dak drammatiku.  

X’jagħmel il-mużika klassika differenti minn tipi ta’ mużika oħrajn?

Fis-soċjetà moderna, il-mużika klassika hi kkunsidrata bħala xi ħaġa passata, u forsi wieħed jaħseb li mhix relatata maż-żminijiet tal-lum. Fl-opinjoni tiegħi, hi konnessa ħafna mad-dinja moderna tal-lum.  Ta’ min isemmi li din kienet waħda strumentali għall-iżvilupp tal-bniedem kif ukoll għall-mużika moderna. Infatti l-mużika moderna hi bbażata ħafna fuq dik klassika.

Il-mużika klassika hi waħda profonda u dixxiplinata li tirrikjedi ħafna studju.  

Mill-banda l-oħra, tip ta’ mużika oħra hi iktar ikkunsidrata kummerċjali, u popolari u forsi tinżel iktar tajba għall-maġġor parti tas-semmiegħa għal żmien limitat.

Inħeġġeġ lin-nies biex jagħmlu l-kuraġġ u jattendu kunċerti ta’ mużika klassika u operistika.  

Kif jirnexxielek tlaħħaq bejn ix-xogħol u l-mużika?

Dejjem, qabel kull ħaġa li tibda, trid tibni pjan u timmaġina t-tmiem lest – pjan ta’ kif se tasal għal dak it-tmiem u x’jirrikjedi biex tasal ghalih.

Xogħli, fis-settur finanzjarju, bħal kull xogħol ieħor, jista’ jkun wieħed stressanti. Inqatta’ sigħat twal fl-uffiċju imma ma jfissirx li b’dana kollu għandi nabbanduna l-mużika li tant inħobb. Madankollu, dejjem sibt bilanċ biex nakkwista l-aħjar riżultati possibli. Apparti minnhekk dejjem sibt sapport u inkoraġġiment mill-kumpanija fejn naħdem jien.

Taħseb li ‘l quddiem tkun tista’ taħdem esklussivament bħala kantanta? Kemm hu diffiċli li tagħmel dan f’Malta?

Li taghmel l-għeiien mill-kulturá biss, hi pjuttost diffiċli, kemm fil-kuntest lokali kif ukoll f’dak internazzjonjali.

Ix-xogħol tiegħi jagħtini sigurtá biex inkun nista’ nkompli nwettaq il-ħolma tiegħi.  Kontinwament, nikkolabora ma’ kantanti / mużiċisti Maltin u anke barranin biex b’hekk inkunu nistgħu ntellgħu kunċerti lokali u internazzjonali.

Infatti, għadni kemm kelli l-opportunitá nkanta f’ċerti partijiet tal-Italja fis-sajf li għadda.  Barra minn hekk, ipparteċipajt f’diversi kunċerti importanti, kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna, – fl-Awstrija, l-Italja u l-Iżvizzera.

Ġieli jgħaddilek minn rasek li tmur tgħix barra minn Malta sabiex ikollok iktar opportunitajiet?

Iva. Kemm il darba għaddietli minn moħħi meta kont iżgħar, iżda d-destin ma kellux ikun.  Minkejja dan, xorta waħda nisnab kuntenta u sodisfatta li jibqa’ jirnexxieli nibbilanċja x-xogħol u l-mużika, u nara riżultati pożittivi mit-tnejn.

X’inhu l-futur ta’ Christine Dalli fil-mużika?

Jien se nibqa’ naħdem f’dak li dejjem emmint fih. Nibqa’ nkanta u nitgħallem u nagħmel esperjenzi ġodda. Il-futur huwa ktieb miftuħ u trid tkun lesta għal kull opportunità li tiġi quddiemek!

Nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li bħalek jixtiequ jagħmlu karriera fil-kant u l-mużika.

Jekk għandek ħolma li tixtieq twettaq, tibqax bilqiegħda taħseb fuqha.  Agħmel il-kuraġġ, emmen li tista’ tirnexxi u ibqa’ ppersisti sakemm dik il-holma tabilħaqq issir realtá.  Pass pass, tasal għal dak li verament temmen u tixtieq f’ħajtek!

Sport