It-tnaqqis tal-emissjonijiet mit-trasport tat-triq, l-użu ta’ fondi għal investimenti sostenibbli u ż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija fil-bini ġew identifikati bħala t-tlett prijoritajiet ewlenin sabiex Malta tersaq iktar qrib lejn ekonomija ħadra li tiġġieled kontra t-tibdil fil-klima.
Fit-tieni sena konsekuttiva tagħha, il-kampanja ta’ ħames xhur #ClimateOn ġiet fi tmiemha nhar il-Ġimgħa, b’konferenza li ġabret flimkien il-gvern, entitajiet u partijiet interessati mis-settur privat biex tiġi indirizzata l-kriżi tat-tibdil fil-klima. Il-konferenza saret lejlet il-COP27, bi tħejjija għall-parteċipazzjoni ta’ Malta għall-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima li se ssir f’Sharm El Sheikh, l-Eġittu.
Malta qed timplimenta l-Low Carbon Development Strategy (LCDS) – pjan li effettivament ipoġġi f’azzjoni l-impenji ta’ Malta f’konformità mal-Fit for 55 package tal-Unjoni Ewropea. Il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża flimkien ma’ Prof. Simone Borg, l-Ambaxxatriċi ta’ Malta għall-Azzjoni Klimatika, organizzaw diskussjonijiet mas-setturi kkonċernti dwar finanzjar sostenibbli, mobilità sostenibbli fir-rigward tat-trasport tat-triq, kif ukoll dwar użu ta’ enerġija effiċjenti fil-bini.
Il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli tenniet l-impenn tal-gvern biex jilħaq il-miri tal-klima u biex pajjiżna jkunnewtrali għall-klima. “Dan l-impenn reġa ġie kkonfermat għal darb’oħra fil-pjan tal-baġit tal-gvern hekk kif se nkomplu ninvesdtu fil-familji u n-negozji tagħna sabiex nappoġġjawhom lejn tranżizzjoni ħadra u ġusta” qalet Miriam Dalli.
Fid-diskussjoni ħadu sehem ukoll il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia u l-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi.
Il-Ministru Farrugia enfasizza l-impenn tal-gvern li jkompli jinvesti f’infrastruttura tat-trasport aħjar. “Qed niżviluppaw ukoll proġetti biex nippromwovu aktar mobilità attiva fl-infrastruttura tat-toroq tagħna u nħarsu lejn sistema ta’ trasport tal-massa”, qal Aaron Farrugia.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega li dik b’aktar kuxjenza dwar mezzi biex tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija fid-djar u l-uffiċċini huma kruċjali. “L-għarfien u l-abbilta huma żewġ sfidi li qed naħdmu fuqhom biex nappoġġjaw dan il-pilastru ekonomiku biex jiddekarbonizza u jittrasforma l-industrija tal-kostruzzjoni f’waħda sostenibbli”, qal il-ministru.
Margaret Cassar, Direttur Ġenerali fil-Ministeru tal-Ambjent, spjegat li: “Sabiex tiġi integrata l-politika dwar il-klima fis-setturi kollha, is-settur pubbliku u dak privat jeħtieġ li jaħdmu flimkien fl-implimentazzjoni tal-LCDS. Il-pjattaforma #ClimateOn toffri spazju ta’ djalogu kontinwu u miftuħ bejn is-setturi kkonċernati sabiex tissaħħaħ il-ħidma għal ekonomija aktar sostenibbli u reżistenti għall-klima.”
Matul is-seminars, il-parteċipanti ddiskutew l-isfidi ewlenin u kif dawn jistgħu jiġu indirizzati. Tnieda wkoll kors ta’ taħriġ korporattiv dwar l-EV, immirat lejn il-bidla lejn vetturi aktar nodfa. Il-kors qasir, ipprovdut mingħajr ħlas mill-EIT Urban Mobility u l-MCAST, joffri lin-negozji u l-professjonisti b’għarfien dwar il-vetturi elettriċi, l-impatt tagħhom fuq l-ambjent u kif il-vetturi konvenzjonali jitneħħew gradwalment.
Matul is-seminar dwar il-mobilità sostenibbli, il-partijiet interessati enfasizzaw il-ħtieġa akbar għal aktar għarfien biex ikunu jistgħu jsiru għażliet aħjar ta’ vjaġġar, infrastruttura favur bidla modali, u l-ħtieġa għal trasport pubbliku tal-massa effiċjenti. Fis-seminar dwar il-finanzi sostenibbli, il-partijiet interessati spjegaw li Malta għanda l-potenzjal tal-kapital privat li jista’ jippermetti li pajjiżna jilħaq il-miri tiegħu. Dwar l-effiċjenza enerġetika, il-parteċipanti rreferew għall-viżjoni tal-enerġija ta’ Malta, l-elettrifikazzjoni diretta u l-pjan tal-gvern li jżid sorsi aktar nodfa ta’ enerġija. F’din it-tranżizzjoni hija kruċjali li nintroduċu standards, policies u regolamenti.