Saturday, May 3, 2025

Theuma jgħid li lil “Ta’ Maksar” qatt ma kellimhom

Ikompli l-ġuri dwar l-omiċidji ta’ Daphne Caruana Galizia u tal-Avukat Carmel Chircop

Aqra wkoll

Melvin Theuma, deskritt bħala l-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, iddikjara fil-Qorti li lil ‘Ta’ Maksar’ huwa la qatt kellhom u lanqas biss jaf x’jisimhom.

Theuma kien qed jixhed fil-ġuri li għaddejjin erba’ persuni b’rabta mal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017 u l-omiċidju tal-Avukat Carmel Chircop f’Ottubru tal-2015. L-akkużati huma l-aħwa Robert u Adrian Agius magħrufa bħala Ta’ Maksar, Jamie Vella u George Degiorgio magħruf bħala ċ-Ċiniż. 

Filwaqt li l-aħwa Robert u Adrian Agius, Jamie Vella u George Degiorgio jinsabu akkużati b’reati relatati mal-omiċidju tal-Avukat Chircop, Robert u Jamie jinsabu akkużati wkoll li fornew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia. Huma qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Fis-seduta tal-bieraħ inqraw diversi messaġġi li kienu għaddew bejn Melvin Theuma u Yorgen Fenech, l-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. F’messaġġ minnhom Fenech qal lil Theuma “Ikkalmajt ftit xbin?”, u dan tal-aħħar wieġbu “Le nibki biss qiegħed, ma nafx kemm se nwassal.” Fenech imbagħad qallu “Jekk nibqgħu moħħna hemm, tgħaddi mija fil-mija. U jiena warajk dejjem.”

Theuma qal li Fenech allegatament qallu li Vince Muscat kien mar għand il-pulizija u allegatament qalilhom x’għamel l-istess Theuma. Ix-xhud hawn qal: “Kif jista’ jikxef meta jien qatt ma kellimt lil Vince Muscat fuq il-qtil. Xi tridu jikxifli?”. Muscat kien ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Caruana Galizia u kien intbagħat 15-il sena ħabs. 

F’messaġġ ieħor fejn jissemmew Ta’ Maksar, ix-xhud tenna lil dawn qatt ma kellimhom u lanqas jaf x’jisimhom. Semma wkoll kif darba fost oħrajn Fenech kien tah biċċa laħam iżda ramieha għax beża’ li setgħet kienet ivvalenata. 

Melvin Theuma kompla jgħid li kien hemm żmien fejn xtaq ilaqqa’ lil Mario Degiorgio  – li jiġi ħu Alfred u George Degorgio – ma’ Yorgen Fenech biex jara illi l-flus kien jagħtih kien qed jgħaddihomlu u mhux iżommhom għalih. “Jiena batejt flus kbar u għadni nbati sal-lum il-ġurnata għax jien lanqas naħdem,” qal ix-xhud. 

Ġurat supplimentari mmultat €1,000 wara li nqabad b’tablet

Sadanittant, ġurat supplimentari li qiegħed iservi f’dan il-ġuri kien immultat mill-Imħallef Edwina Grima €1,000 wara li nstab ħati ta’ disprezz wara li nqabad b’tablet.

L-espert tekniku Martin Bajada qal fil-Qorti li fl-aħħar ġimgħa ta’ April, il-ġurat daħal f’siti tal-aħbarijiet u anke uża ChatGPT biex ifittex informazzjoni dwar ġuriji.

Iżda fl-istess ħin Bajada jgħid li dawn it-tfittxijiet ma kinux speċifikament relatati mal-każ inkwistjoni. Ir-rapport li ġie ppreżentat lill-Imħallef jinkludi wkoll komunikazzjonijiet personali mal-familja tiegħu, inklużi chats fuq Messenger ma’ ibnu, fejn ġie diskuss il-proċess ġudizzjarju u anke l-fatt li t-tablet tal-ġurat kien intuża waqt il-ġuri.

F’messaġġ li bagħat lil ibnu, il-ġurat qallu li kien ħa miegħu tablet biex ikun jista’ jkellimhom, iżda ma kellu jgħid xejn lil ħadd ħlief lil martu.

L-espert Bajada kkonferma li t-tablet ma kellux SIM card li tippermetti komunikazzjoni tradizzjonali.

Wara li l-Qorti ssospendiet s-seduta temporanjament biex tippermetti lill-partijiet jaqraw bir-reqqa r-rapport, id-difiża ddikjarat li m’għandiex oġġezzjoni biex jitkompla l-ġuri.

L-Imħallef Edwina Grima sabet lill-ġurat ħati ta’ disprezz u mmultatu €1,000.

Il-ġuri jkompli. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport