Wednesday, October 29, 2025

Thomas Bajada jingħata l-premju “Water-Smart MEP of the Year” 

Aqra wkoll

Il-Membru Parlamentari Ewropew Malti Thomas Bajada ngħata l-premju tal-Water-Smart MEP għas-sena 2025 waqt il-konferenza dwar l-innovazzjoni tal-ilma li saret fil-kapitali Daniża Kopenħagen. Dan partikolarment bħala rikonoxximent tal-ħidma tiegħu fit-tfassil tal-Istrateġija Ewropea għar-Reżiljenza tal-Ilma u l-kontribut tiegħu biex tissaħħaħ il-ġestjoni sostenibbli tal-ilma madwar l-Ewropa.

Il-premju, ippreżentat minn Water Europe, jagħraf il-ħidma ta’ Bajada biex ipoġġi s-sigurtà tal-ilma fil-qalba tad-deċiżjonijiet – li jimmarka bidla kulturali fit-tfassil tal-politika fl-Ewropa. Fil-fatt l-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma, li Bajada mexxa bħala rapporteur, tistabbilixxi viżjoni ġdida għal kif il-kontinent għandu jimmaniġġja l-ilma bħala riżorsa strateġika u komuni – essenzjali għat-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ikel u l-kompetittività industrijali.

Fid-diskors tiegħu, Bajada qal li dan il-premju “mhux dwar rapport wieħed biss, iżda dwar il-komunitajiet u l-professjonisti li jagħmlu s-sostenibbiltà tal-ilma realtà: xjentisti, bdiewa u reġjuni kostali.” Huwa żied jgħid li “x-xogħol li nagħmlu fil-Parlament jiswa biss jekk jasal lil hinn minn Brussell, jekk iwassal għal bidliet reali fil-ħajja tan-nies.”

Dan ir-rikonoxximent wasal wara aktar minn sena ta’ ħidma li diġà wasslet għal bidliet konkreti, fosthom inizjattivi biex jiżdied l-aċċess għall-ilma tax-xorb, kampanja ta’ għarfien pubbliku, u miżuri ġodda li jippromovu l-effiċjenza fl-użu tal-ilma, kemm f’livell nazzjonali kif ukoll Ewropew.

Minn mindu ġie elett, Bajada, li huwa xjenzat ġie fdat fuq dossiers ta’ portata importanti fi tliet kumitati ewlenin li jaħdem fihom fil-Parlament Ewropew fejn jiffoka primarjament fuq it-titjib ta;-kwalità tal-ħajja tal-familji. Ftit tal-ġimgħat ilu biss ġie kklassifikat fost l-aktar Membri Parlamentari Ewropej influwenti, riflessjoni tal-fiduċja li kiseb biex imexxi dossjers kumplessi u kruċjali.

“Dan hu rikonoxximent li jappartjeni lil kulħadd. Lil dawk kollha li jemmnu li futur sostenibbli tal-ilma hu possibbli,” qal Bajada. “L-ilma jgħaqqad dak kollu li nagħmlu, u wasal iż-żmien li nibdew inqisuh hekk.”

Il-premju ‘Water-Smart MEP’ tas-sena jingħata kull sena minn Water Europe lil Membru Parlamentari Ewropew li juri impenn eċċezzjonali favur politika sostenibbli u innovattiva relatata mal-ilma madwar l-Unjoni Ewropea. Dan jikkonferma l-bidla pożittiva li qed iġġib ħidmet Bajada fl-politika Ewropea.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport