Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-karate?
Meta kont żgħira kont nsegwi lil missieri Josef Antonelli, jipprattika dan l-isport u ridt nibda niprattikah. Dak iż-żmien kont għadni niprattika l-ġinnastika u wasal żmien li kelli nagħżel u għażilt il-karate. Minn dejjem kien joġgħobni l-biċċa tal-kumite u malli bdejt nikkompeti u rajt li għandi potenzjal ma stajtx nieqaf!
X’suċċessi ksibt f’dan l-isport kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna?
F’Awwissu tal-2023 irbaht l-ewwel midalja għal Malta fl-ISF Games ġewwa l-Brażil kif ukoll f’Diċembru tal-2023 irbaħt midalja tal-bronż fil-Youth League ġewwa Venezja.
F’Ġunju tal-2024 ġejt fil-hames post fil-Youth League ġewwa l-Kroazja u f’Settembru tal- 2024 irbaħt l-ewwel midalja tad-deheb għal Malta fil-Mediterranean Championships f’Sardinja. Fil-jiem li għaddew, ikkompetjt fil-Youth League ġewwa Fujairah, iżda ma kelliex l-iktar esperjenza tajba u kien hemm xi punti li ma ngħatawx.
Kif jirnexxielek tlaħħaq mal-istudji tiegħek u mal-karate?
Kull atleta jkollu l-istudju tiegħu imma jekk trid tkun kapaċi tqassam il-ħin tiegħak sewwa. Bħala atleta man-Nazzjonal mhiex l-iktar ħaġa faċli imma jekk ma nitlifx il-ħin kollox kapaċi nlaħħaq nagħmel.
X’tikkummenta fuq ir-riżorsi (post) li fihom tittrenja l-karate f’Malta?
Jien nittrenja maż-Zebbug Karate Club li jinsab ġewwa Ħaż-Żebbuġ. Huwa armat b’apparat ġdid u jgħinek issir aħjar b’mod fiżikament. Hemm inħossni fejn nista’ ninsa dak kollu li qed jiġri madwari u wieħed mill-postijiet li nħossni komda speċjalment biex nittrenja.
X’tikkummenta fuq is-sensei tiegħek Josef Antonelli li jiġi wkoll missierek? Kemm jgħinek dan fil-karriera tiegħek?
Għalkemm Josef Antonelli huwa missieri, huwa wkoll il-kowċ nazzjonali tal-Kumite. Huwa dak it-tip ta’ persuna li ma jħobbx jitlef u dik lili ttellagħli l-motivazzjoni biex meta mmur nikkompeti qatt ma naqta’ qalbi u dejjem nagħti l-100% tiegħi f’dawk il-ftit minuti fuq it-tapit. Il-fatt li għandi lil missieri bħala l-kowċ tiegħi hija kumditá kbira. Din tgħini ħafna lili għax inħossni iktar komda nitkellem miegħu u dejjem jissapportjani.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-karate?
Fil-futur, f’dan l-isport jien nixtieq nibqa’ nirrepreżenta lil pajjiżi u nixtieq nirbaħ il-medlaji fil-Kampjonati Ewropej u anke fil-Kampjonati tad-Dinja tal-Karate. Ukoll is-sena d-dieħla nixtieq nirrapreżenta lil pajjiżi fil-Youth Olimpics li se jsiru ġewwa s-Senegal.
Għaddi messaġġ finali lil min bħalek jixtieq jikseb suċċess fil-karate.
Qatt m’għandek taqta qalbek, kulħadd ikollu mumenti ħżiena f’ħajtu. Bħalma kont jien ta’ etá żgħira hija xi ħaġa sabiħa li tara tfal żgħar jibdew dan l-isport għax jġibek iddixiplinat u tagħmel ħbieb għal dejjem!