
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul nieda diskussjoni dwar ir-Right to Disconnect, jew id-dritt li wara l-ħin tax-xogħol, il-ħaddiem jaqta’ mix-xogħol u jqatta ħin ta’ kwalità mal-familja. Dan il-kunċett għandu jassigura bilanċ bejn il-ħajja professjonali u dik personali tal-ħaddiema Maltin.
Dr Ellul għamilha ċara li dan huwa biss il-punt tat-tluq, u għalhekk wieħed għandu jassigura li fl-ispirtu tad-djalogu soċjali, Malta issib il-mudell li jagħmel sens għaliha.
Din id-diskussjoni se twassal għal konsultazzjoni pubblika sabiex il-Gvern jisma’ direttament lill-ħaddiema, lil min iħaddem, lill-imsieħba soċjali, u aktar importanti minn hekk, lill-familji. Qal li l-għan hu li jinħoloq qafas bilanċjat, adattat għar-realtajiet lokali.
Waqt il-konferenza, Dr Ellul ħabbar ukoll li se jkun qed jagħmel talba lill-MCESD biex dan is-suġġett jiġi diskuss fil-jiem li ġejjin, bħala l-ewwel pass lejn djalogu soċjali strutturat dwar kif din il-miżura tista’ titwettaq b’mod effettiv u sostenibbli għall-benefiċċju ta’ kulħadd.
Dr Ellul saħaq li “l-isfida li għandna quddiemna llum, m’hijiex jekk għandniex nirrikonoxxu r-Right to Disconnect – li dalwaqt ser ikollna ligi Ewropea dwaru – iżda b’liema mudell se nkunu qed nagħmlu dan sabiex nilħqu bilanċ li jagħmel sens għal pajjiżna”.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul temm jgħid li b’dan il-mod, bi djalogu miftuħ, Malta kapaċi terġa’ tkun leader f’dawk li huma deċiżjonijiet dwar id-dinja tax-xogħol. Qal li fix-xhur li ġejjin irid li jara djalogu nazzjonali dwar dan is-suġġett anke f’kuntest aktar wiesgħa ta’ kif il-pajjiż jista’ jkompli jsaħħaħ il-Work Life Balance u favur aktar family friendly measures fuq il-post tax-xogħol.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, saħqet li l-konferenza tal-lum serviet bħala opportunità sabiex tiġi diskussa l-importanza tar-right to disconnect mal-imsieħba soċjali, diskussjoni li qed issir ukoll fuq livell Ewropew.
“F’Malta ilna nitkellmu dwar il-bżonn li jkollna bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja, u issa din id-diskussjoni tinsab fuq nett tal-aġenda nazzjonali, imxettla mill-għarfien li kiber b’mod sinifikanti dwar l-importanza ta’ dan il-bilanċ, anke minħabba r-rata baxxa tat-twelid li qed ikollna f’pajjiżna. Għalkemm id-dritt tar-right to disconnect waħdu mhux se jagħmel il-mirakli biex tiżdied ir-rata tal-fertilità, xorta nemmen li għandu jkun parti mill-pakkett ta’ miżuri u riformi li jridu jitwettqu f’dan il-qasam. Bħala pajjiż modern u Ewropew, nemmen li Malta għandha ssegwi u timxi fuq ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar dan id-dritt, kif ukoll fuq diversi direttivi u liġijiet Ewropej li, għalkemm ma jinkludux referenza diretta għar-right to disconnect, huma kollha intiżi biex jisalvagwardjaw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema, kif ukoll id-dritt għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja.” saħqet Buttigieg.

