Saturday, December 28, 2024

Tibda l-COP 28 … Summit ieħor li se jkun falliment?

Stennija għal deċiżjoni ta' meta d-dinja se tieqaf tuża l-fjuwil

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Proprju matul din is-sena għal darba oħra madwar id-dinja esperjenzajna l-effetti tal-bidla fil-klima b’temp estrem jew l-effetti tiegħu. Rajna nirien li għamlu ħerba fil-Kanada u l-Hawaii. Rajna l-għargħar katastrofiċi fil-Libja. Rajna nirien kbar fl-Italja u l-Greċja. L-Ewropa u anki pajjiżna intlaqat minn temperaturi għoljin li f’għadd ta’ pajjiżi kienu temperaturi rekord. Filfatt ix-xahar ta’ Lulju ta’ din is-sena ġie dikjarat bħala l-aktar Lulju b’temperatura sħuna. Dawn it-temperaturi għoljin kienu akkumpanjati minn umdità għolja u din tikkawża problemi ta’ saħħa fil-bniedem fejn filfatt ġew anke reġistrati xi imwiet. It-temperaturi għoljin flimkien mal-livell għoli ta’ umdita ġew deskritti minn xi xjentisti bħala li ‘potenzjalment jistgħu jkunu qattiela’. Minn studji li saru fl-aħħar ġimgġat ġie stabbilit li s-sħana qawwija li laqtet lid-dinja fis-sena 2022 wasslet biex 60,000 persman tilfu ħajjithom. 

F’pajjiżna ukoll l-effett jinħass. Sa ftit tal-jiem pajjiżna kien qiegħed ibati minn nixfa minħabba nuqqas ta’ xita. Il-kampanja tagħna kien normali fix-xhur ta’ Novembru li narawha tħaddar u fl-aqwa tagħha wara x-xita li tkun għamlet f’Settembru u Ottubru. Din is-sena dik il-ħdura mhix tidher. Qegħdin naraw għelieqi nexfin. Illum il-bdiewa qegħdin jirrimarkaw kif f’dan iż-żmien tas-sena għaddejjin bit-tisqija tas-siġar tal-frott u tisqijiet oħra minħabba in-nixfa.

Illum ukoll qegħdin isiru kalkoli ta’ kemm il-bidla fil-klima qiegħda tiswa lill-pajjiżi. Hemm stimi li huma xokkanti. Riċerka li saret fl-Istati Uniti qiegħda turi li is-sħana estrema qed tiswa lill-ekonomija Amerikana xejn intas minn €100 biljun fis-sena.  Hu stmat li sas-sena 2050, il-prezz li se jkollha tħallas l-ekonomija Amerikani mistenni jkunu ta’ $500 biljun fis-sena.

Il-bidla fil-klima qiegħda tolqot ukoll l-ibħra.  Matul is-sajf li għadda, it-temperaturi tal-baħar kisru kull rekord u hu stmat li 40 fil-mija tal-oċeani madwar id-dinja qegħdin jesperjenzaw mewġa ta’ sħaħa u din qiegħda taffettwa b’mod negattiv ħafna il-ħajja marittima. 

Jekk wieħed jieħu l-għargħar isib li din is-sena kellek l-iżvilupp fejn rajna ċiklun li fil-lvant tal-Mediterran, li beda miexi lejn il-punent. Għal xi żmien kien hemm il-biża’ li seta’ jolqot lil pajjiżna. Dan iżda laqat b’mod negattiv ħafna il-Libja fejn ħoloq katastrofi sħiħa tant li kien hemm bżonn ħidma umanitarja minn barra l-pajjiż. Dak iċ-ċiklun ħalla aktar minn 3,000 peruan mejtin fil-Libja u ħafna oħra mitlufin.  Fl-Indja xita qawwija ukoll ħalliet mal-100 persuna bla ħajja, waqt li fl-Istati Uniti xita qawwija ġiet stabbilità bħala li kienet rekord.

Hemm imbagħad l-estrem l-ieħor. Dak tan-nixfiet. Bħalissa hemm żoni madwar id-dinja li qegħdin jiffaċċjaw nixfiet kbar. Fost dawn hemm iċ-Ċili u żoni fl-Afrika. 

Illum tibda l-COP… se tkun konferenza oħra li tfalli?

Illum gvernijiet minn madwar id-dinja se jkunu qegħdin jiltaqgħu f’Dubaj  għas-summitt annwali dwar il-bidla fil-klima magħruf bħala COP 28.

L-aġenda dini d-darba hi dik li jkun hemm aktar kontrolli fuq il-fjuwil u l-użu u l-emissjonijiet tal-karbonju. 

Is-summit li se jdum bejn it-30 ta’ Novembru u t-12 ta’ Diċembru, mistenni jeun karatterizzat minn dibattitu u negozjati biex pajjiżi li għadhom qegħdin jiżviluppaw jingħataw aktar kontribut finanzjarju minn pajjiżi industrijalizzati. 

Attivist li tkellem ma’ Talk.mt qalilna li “l-mistoqsija li trid issir hi dik ta’ jekk din il-konferenza hix se tkun konferenza oħra b’konklużjonijiet dgħajfin. Diġa konna rajna l-konklużjonijiet ta’ summits oħra fosthom dak ta’ Glasgow. Is-sena li għaddiet kien hemm qbil li jsir fond biex jgħin pajjiżi fqar finanzjarjament jikkumbattu l-effetti negattivi tal-bidla fil-klima. Għaddiet sena u għadu lanqas twaqqaf. Il-problema hi li ma intlaħaqx konsensus fuq kwistjoni importanti – dik ta’ min se jħallas għal dan il-fond u kemm se jkunu qegħdin joħorġu il-pajjiżi”. 

Il-gassijiet serra fl-2022 laħqu livelli rekord

Dan is-summit se jkun qiegħed isir  ġimgħat wara li rapport tan-Nazzjonijiet Uniti qal li l-gassijiet serra fl-atmosfera laħqu livelli rekord fis-sena 2022. Ibbażat fuq il-pjanijiet klimatiċi attwali tal-pajjiżi, ir-rapport jgħid, l-emissjonijiet globali tal-karbonju sal-2030 se jonqsu biss bi 2 fil-mija meta mqabblin mal-livelli tas-sena 2019. Dan hu ferm u ferm inqas mit-tnaqqis ta’ 43 fil-mija li hu meħtieġ biex tiġi mnaqqsa iż-żieda fit-temperatura b’1.5 gradi Celsius mil-livelli  ta’ qabel ir-rivoluzzjoni industrijali.

It-temi li se jkunu diskussi fis-summit….

It-temi li se jkunu diskussi f’dan is-summit huma dak li jkun hemm pass aktar mgħaġġel fit-tranzizzjoni tal-enerġija fejn l-enfasi se tkun l-enerġija rinnovabbli, u s-sistemi agrikoli.

Tema oħra se tkun dik li tkun stabbilità sistemta ta’ finanzjament tal-klima. Dan għandu l-għan li jagħti prijorità lill-pajjiżi tan-nofsinhar u jgħinhom finanzjament biex komunitajiet vulnerabbli jerġgħu jibnu mill-ġdid wara diżastri klimatiċi, fost miri oħra.

Is-summit għandu ukoll it-tema li jħares lejn is-sistemi tal-ikel, soluzzjonijiet naturali u protezzjoni minn temp estrem.

Il-kontroversji marbutin ma’ COP 28

Għal dan is-summit, bħal ma ġara dejjem mistennija ukoll għadd ta’ protesti minn ambjentalisti u attivisti għalkemm hemm kawtela minħabba li l-Emirati Għarab Magħquda  ma jistgħux isiru protesti mingħajr ma jkun hemm permess.

Diversi ambjentalisti u analisti oħra qegħdin iqajmu  tħassib dwar l-għażla tal-president tal-COP28 u anke saru protesti xhur u ġimgħat ilu. 

Filfatt, Sultan al-Jaber, li hu  l-Kap Eżekuttiv tal-Abu Dhabi National Oil Co, ingħata l-kompitu li jbiddel ir-rotta tal-klima fid-dinja u dan waqt li  li l-kumpanija li jmexxi hija waħda mill-akbar produtturi taż-żejt fid-dinja. L-UAE hija s-seba’ l-akbar produttur ta’ fjuwil likwidu fid-dinja.

Għadd ta’ xhur ilu,  al-Jaber ffaċċja kritika talli tkellem fuq it-tneħħija gradwali tal-emissjonijiet tal-fjuwils – bl-użu ta’ teknoloġija  bħall-qbid tal-karbonju. Dan minflok ma jitneħħew gradwalment il-fjuwils u l-użu tagħhom, li hu l-aktar metodu effetti għax iwaqqaf l-użu tal-fjuwil.

F’Settembru, aktar minn 200 organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, inkluż Amnesty International, kitbu ittra miftuħa lill-gvern tal-Emirati Għarab Magħquda  biex isegwu ċerti talbiet fi żmien il-COP28. Minbarra li sejħet għal riformi tax-xogħol, u li jkunu abbandunati pjanijiet biex tiżdied il-produzzjoni taż-żejt u l-gass, l-ittra talbet lill-Emirati Għarab Magħquda  joqogħdu lura milli jissorveljaw lil dawk li attendew il-COP28. It-tmexxiaj tal-Emirati Għarab Magħquda qalet li se jippermetti lill-attivisti ambjentali li jinġabru b’mod paċifiku għal protesti waqt is-summit. 

Il-ftehim COP27 li kien sar f’Sharm el Sheikh fl-Eġittu kien naqas milli jmur lil hinn mill-wegħda tal-patt dwar il-klima ta ‘Glasgow  li kien sar fis-sena 2021, jiġifieri dak li l-fjuwils kollha għandhom jitneħħew gradwalment.

Id-dinja għandha bżonn waqfien mill-użu tal-fjuwils

Ambjentalist li tkellem ma’ Talk.mt qalilna li “l-ambjentalisti u l-attivisti jemmnu li l-pass li jrid jittieħed hu wieħed ċar ħafna. Dak ta’ meta se jieqaf l-użu tal-fjuwil. Minkejja dibattiti dwar dan, il-pass qed jibqa’ ma jitteħidx. Mhux jittieħed għax hemm pressjoni kbira mill-kumpaniji kbar taż-żejt. Fis-summit ta’ Glasgow li sar fis-sena 2021, kien deher ċar ħafna li  l-eliminazzjoni tal-fjuiwils ma sssemmitx minħabba lobbying mil-industrija. Dakinhar bejn l-esperti kien hemm konsensus fuq il-bżonn li jittieħdu azzjonijiet fuq il-faħam, żejt u l-gass u dan biex jintlaħqu l-miri  li kienu ġew stabbiliti fil-konferenza ta’ Pariġi, li hi dik li t-temperaturi tad-dinja ma jogħlewx aktar minn 1.5 gradi. L-abbozz tad-dikjarazzjoni finali ma’ kien għamel ebda impenn jew azzjoni konkreta ta’ kif se tintemm id-dipendenza tad-dinja fuq il-faħam, iż-żejt u l-gass.  Illum hu ċar li jekk dan ma jsirx, id-dinja mhix se tilħaq il-mira li l-klima dinjija ma tisħonx aktar minn 1.5 gradi.”

Ekonomija

Sport