Thursday, July 10, 2025

Tibda l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ SkolaSajf b’madwar 12,000 student u studenta

Aqra wkoll

Madwar 12,000 student u studenta lbieraħ bdew jattendu l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ SkolaSajf bit-tema ‘Gżejjer Maġiċi’, tema li se jħares lejn il-faxxinu u s-sbuħija li joffru dawn il-gżejjer li nsejħulhom pajjiżna. It-tfal se jiġu mistiedna biex jidħlu f’vjaġġ maġiku madwar Malta u Għawdex matul it-tmien ġimgħat, fejn se jiskopru s-sbuħija tagħhom permezz ta’ lenti maġika.

Fil-Kulleġġ Maria Reġina, Skola Medja tan-Naxxar, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima tkellem mhux biss dwar is-servizz eċċellenti ta’ SkolaSajf, imma wkoll kif f’dawn it-tmien ġimgħat, it-tfal se jkunu qed ikomplu jieħdu edukazzjoni ta’ kwalità.

“SkolaSajf hija parti mill-viżjoni u l-ħidma tagħna biex is-sistema edukattiva tirrifletti r-realtajiet u l-bżonnijiet tas-soċjetà li qed ngħixu fiha, imma servizz li permezz tiegħu nrawmu lit-tfal minn età żgħira permezz ta’ tagħlim alternattiv li jgħinhom fil-ħajja futura tagħhom”, qal il-Ministru Grima. Huwa semma wkoll it-trasformazzjoni edukattiva li għaddej minnha s-settur edukattiv u qal li SkolaSajf tħares lejha fuq firxa iktar wiesgħa. “Qed insaħħu l-livelli kollha tas-settur li jikkontribwixxu fit-tul biex nindirizzaw numru ta’ sfidi soċjali sa’ minn età żgħira. Qed nagħmlu dan biex nilħqu aktar tfal u nippromwovu t-tagħlim anki barra l-ħin tal-iskola”, qal il-Ministru Grima.

SkolaSajf qed jingħata minn 54 ċentru madwar Malta u Għawdex bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa. F’dawk l-iskejjel li fihom għaddej xogħol strutturali, qed ikun provdut trasport għall-eqreb ċentru. Is-servizz beda mill-bieraħ, id-9 ta’ Lulju sad-9 ta’ Awissu sal-5 ta’ Settembru b’waqfa bejn il-11 u l-15 ta’ Awwissu. Filwaqt li l-ħinijiet ta’ SkolaSajf huma bejn it-8:30 ta’ filgħodu san-nofs siegħa, servizz estiż għall-ġenituri li jaħdmu se jingħata f’ċentri magħżula mis-7:00 sat-8:30 ta’ filgħodu u min-nofs siegħa sal-5:30 ta’ waranofsinhar.

Il-Ministru Grima ddeskriva dan is-servizz bħala wieħed ta’ suċċess, bl-applikazzjonijiet li żdiedu minn sena għal sena. Filwaqt li fl-2020 kien hemm 7,849 applikazzjoni, din is-sena wkoll kien hemm madwar 12,000 applikazzjoni.

Permezz ta’ Skolasajf, eluf ta’ studenti qed jingħataw servizz estiż ta’ edukazzjoni bit-tfal li jattendu jibbenefikaw minn programm ta’ attivitajiet edukattivi informali marbut mat-tema magħżula permezz ta’ attivitajiet, ħarġiet u logħob sportiv fost oħrajn.

L-entitajiet mis-settur pubbliku u privat li jikkontribwixxu għal SkolaSajf qed jikbru wkoll, b’madwar 90 entità li jinkludu wkoll kumpaniji privati u organizzazzjonijiet mhux governattivi li jipparteċipaw fi SkolaSajf.

Biex jitħaddem dan is-servizz jiġu ingaġġati diversi impjegati fi rwoli differenti, minn koordinaturi, playworkers, child support workers, sports playworkers u playworker performing arts, b’kollox ftit inqas minn 2,200.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport