Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg ħabbret it-twaqqif ta’ kumitat ta’ esperti biex jistudjaw u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Gvern dwar kif is-soċjetà, fosthom l-aktar persuni vulnerabbli, għandhom ikunu protetti mill-impatti negattivi tal-midja soċjali.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg ħabbret dan f’diskors waqt konferenza organizzata mit-Times of Malta b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari, li ddiskutiet l-effetti tal-midja soċjali b’mod partikulari fuq it-tfal u l-adolexxenti.
Hija qalet li din l-inizjattiva hija riżultat tal-pjan nazzjonali dwar il-familja li jipprovdi biex jibdew diskussjonijiet dwar l-infurzar ta’ restrizzjonijiet ta’ età għall-użu tal-midja soċjali biex it-tfal ikunu mħarsa mill-kontenut li jagħmel il-ħsara.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet li Malta trid isegwi l-miżuri li sar f’dan il-qasam f’pajjiżi bħall-Awstralja, l-Ingilterra u l-Ġermanja.

F’messaġġ lill-konferenza, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon qal li dan l-eżerċizzju mhux ser ikun faċli għaliex trid tinkiseb il-koperazzjoni tal-kumpaniji kbar internazzjonali li jmexxu dawn il-pjattaformi soċjali.
Il-Ministru Falzon qal li l-Gvern diġà emenda l-kodiċi kriminali biex inkluda r-reat tac-cyberbullying u cyberstalking, iżda qal li hemm kontenut ieħor fuq il-pjattaformi soċjali li jagħmel ħafna ħsara li rridu niġġieldu u dan bl-ebda mod ma jista’ jitqies li huwa ċensura. Huwa qal li dawn il-perikli ser jikbru bit-teknoloġija tal-Intelliġenza Artifiċjali li għalkemm fiha ħafna tajjeb għandha wkoll il-perikli tagħha.
Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mill-Kummissarju għall-Ġustizzja bejn il-Ġenerazzjonijiet, iż-Żgħażagħ u l-Kultura, Glen Micallef, li stqarr li, “Is-soluzzjoni trid tkun waħda ħolistika, li tinkludi regolamentazzjoni, edukazzjoni u l-parteċipazzjoni diretta tat-tfal u żgħażagħ infushom. Huwa għalhekk li diskussjonijiet bħal tal-lum huma essenzjali, għaliex jinfurmaw u jiggwidaw il-politika tagħna.”
Matul il-konferenza mistednin esperti ddiskutew l-effetti pożittivi u negattivi li l-midja soċjali qed ikollha fuq is-soċjetà.
Il-kumitat li nħatar biex jistudjaw u jagħmel proposti għar-riformi dwar il-midja soċjali ser jitmexxa mis-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg u jinkludi bħala membri lill-Professur Matthew Montebello, Rev. Dr Jean Govè, Dr Josianne Cutajar, Martina Mallia u Glen Sultana li lkoll għandhom kompetenzi varji fuq il-midja soċjali u t-teknoloġija diġitali.
Paripassu mal-konferenza, stħarriġ tal-opinjoni pubbliku li sar online fit-Times of Malta wera li aktar minn 80 fil-mija ta’ aktar minn elfejn ruħ li ħadu sehem fl-istħarriġ urew li huma favur li l-pjattaformi tal-midja soċjali jkunu regolati.