Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri żar ix-xogħlijiet li għaddejjin fit-triq li nbniet ġdida, Triq Ġorġ Pisani, waqt li l-ewwel parti tagħha bdiet tingħata t-tarmak. Din it-triq hija parti mill-proġett ta’ Triq Marsalforn, u fil-fatt, bħalissa għaddej ix-xogħol fuq l-ewwel fażi tal-proġett li tikkonsisti fil-bini mill-ġdid ta’ tliet toroq u l-ftuħ ta’ Triq Ġorġ Pisani.
Il-Ministru Clint Camilleri qal li għaddejja aktar ħidma bil-għan li t-traffiku jiġi ddevjat mill-qalba tar-Rabat hekk kif ftit tal-jiem oħra terġa’ tinfetaħ għal kollox il-junction ta’ Wara s-Sur sabiex tibda tieħu parti sew mit-traffiku li jkun sejjer jew ġej miż-Żebbuġ, l-Għasri, l-Għarb u San Lawrenz. Aktar minn hekk, ix-xogħol fit-triq il-ġdida Ġorg Pisani miexi bil-kostruzzjoni tas-servizzi, culverts u ftit jiem oħra jinbena l-pont li jgħaddi minn fuq il-wied.
Il-Ministru Camilleri kompla jispjega li l-ewwel fażi tax-xogħol kienet tikkonsisti fil-bini ta’ Triq Ġorġ Pisani u l-bini mill-ġdid ta’ Triq Patri Giancintu Camenzuli. Wara li tlesta l-iskavar, fejn kien priservat il-wirt storiku li nstab, beda u tlesta x-xogħol fuq l-ewwel parti ta’ Triq Ġorġ Pisani. Dan ix-xogħol kien jikkonsisti fit-tqattigħ ta’ trinek biex ikunu jistgħu jgħaddu s-servizzi tal-ilma, l-elettriku u d-drenaġġ, u storm water culverts.
Huwa ħabbar li qed ikun proġettat li Triq Ġorġ Pisani tinfetaħ għall-ewwel darba fi Frar li ġej u ladarba tinfetaħ minnha ser jibda jgħaddi t-traffiku kważi kollu li jkun ġej jew sejjer minn Marsalforn. Huwa rrimarka li, “B’dawn iż-żewġ proġetti t-traffiku ser jittaffa bis-sħiħ. Fil-qalba tal-irħula u l-Belt tagħna rridu nagħtu prijorità lin-nies u mhux lill-vetturi. Però, dan jista’ jseħħ biss kemm-il darba nibnu u nagħtu l-alternattivi neċessarji.”
F’dawn l-aħħar xhur fi Triq Ġorġ Pisani u Triq Patri Giacintu Camenzuli nstabu ġibjuni tal-ilma li ser jerġgħu jkunu użati, kif ukoll barrieri u fdalijiet ta’ żmien ir-Rumani. Ix-xogħol kien qed isir bl-ikbar reqqa taħt is-superviżjoni tas-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali.
Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li t-tieni fażi ta’ dan il-proġett ser tikkonsisti fil-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Kapuċċini u Triq Marsalforn.