Sunday, May 5, 2024

Tibdil fil-proċeduri tas-servizz offrut minn Identity Malta fid-dawl tal-aħħar żviluppi ta’ COVID-19

Aqra wkoll

Fid-dawl tal-imxija ta’ COVID-19, l-Aġenzija Identity Malta qed tħabbar numru ta’ miżuri ġodda oħra mmirati sabiex jiffaċilitaw aktar is-servizz provdut.

Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat sostna li l-Aġenzija Identity Malta qed tħares l-interessi tal-impjegati u tal-pubbliku inġenerali, filwaqt li tassigura li l-klijenti jibqgħu jinqdew mis-servizzi tagħha bl-aħjar mod possibbli. “Qed naħdmu sabiex f’dawn iċ-ċirkostanzi iniedu pjattaformi online għal iktar aċċessibilità u simplifikazzjoni tas-servizzi offruti,” spjega s-Segretarju Parlamentari.

  1. Reġistrazzjoni tat-twelid

Min-nhar it-Tnejn 6 ta’ April, se jkun qed jidħol fis-seħħ arranġament ġdid, fejn il-ġenituri se jkunu jistgħu jirreġistraw it-twelid tal-wild mingħajr l-bżonn li jirrikorru direttament fl-uffiċċji ta’ Identity Malta.

Wieħed mill-ġenituri, jew it-tnejn f’każ li t-tarbija tkun twieldet barra ż-żwieġ, għandhom jinnotifikaw il-wild tagħhom mar-Reġistru Pubbliku fuq [email protected], fejn rappreżentanti ta’ Identity Malta jkunu jistgħu jigwidawhom aħjar skont il-każ tagħhom. Il-ġenituri huma mitluba jibgħatu d-dokumenti hekk kif imsemmi hawn taħt, permezz ta’ posta reġistrata u indirizzata lill-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku, Evans Building, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta.

  • Il-Formola għal Notifikazzjonijiet tat-Twelid mimlija (li tista’ titniżżel minn fuq is-sit www.identitymalta.com taħt it-taqsima tal-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku);
  • Iċ-Ċertifikat tat-Twelid tal-Isptar iffirmat mill-qabla;
  • Kopja tal-Karta tal-Identità tal-ġenituri;
  • Dokumenti oħra skont kif ikun mitlub mir-Reġistru Pubbliku; u
  • Għandu jsir pagament ta’ €2.60 indirizzat lil Identity Malta Agencypermezz ta’ cheque jew money order. Jista’ jsir ukoll trasferiment bankarju fuq:
    • Bank Account:   40010408403
    • IBAN Number:   MT70VALL22013000000040010408403
    • SWIFT Code:      VALLMTMT
  • Kopja tal-irċevuta bankarja jew konferma oħra f’każ li l-pagament ikun sar permezz ta’ trasferiment bankarju.

Minn meta l-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku jipproċessa n-notifika, l-Att tat-Twelid jintbagħat bil-posta reġistrata lill-ġenituri sabiex jikkonfermaw li d-dettalji mniżżla huma korretti. Hekk kif il-ġenituri jiffirmaw l-Att, dan jintbagħat lura lir-Reġistru Pubbliku. Finalment, il-ġenituri jiġu nfurmati li r-reġistrazzjoni hija kompluta, u ċ-Ċertifikat tat-Twelid jiġi ordnat minn www.certifikati.gov.mt.

  1. Reġistrazzjoni tal-imwiet

Bl-istess mod min-nhar Tnejn 6 ta’ April, in-notifika ta’ mewt tista’ issir mingħajr l-bżonn li l-pubbliku ġenerali jirrikorri direttament fl-uffiċċji ta’ Identity Malta. Dan jista’ jsir b’kuntatt mal-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku fuq [email protected]. F’każ ta’ mewt, il-persuna li tkun qed tagħmel in-notifika għandha tibgħat id-dokumenti msemmija hawn taħt permezz ta’ posta reġistrata u ndirizzata lill-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku, Evans Building, Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta.

  • Il-Formola għad-Dikjarazzjoni ta’ Notifika ta’ Mewt mimlija (li tista’ titniżżel minn fuq is-sit www.identitymalta.com taħt it-taqsima tal-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku);
  • Iċ-Ċertifikat tal-Mewt provdut mit-tabib kuranti;
  • Id-dokument tal-Karta tal-Identità tal-persuna mejta;
  • Kopja tal-Karta tal-Identità tal-persuna li qed tagħmel in-notifika; u
  • Dokumenti oħra relevanti hekk kif indikat mir-Reġistru Pubbliku.

Sussegwentament, hekk kif l-Uffiċċju tar-Reġistru Pubbliku jipproċessa n-notifika, il-persuna tiġi informata li r-reġistrazzjoni hija kompluta, u ċ-Ċertifikat ta’ Mewt jiġi ordnat minn www.certifikati.gov.mt.

  1. Għeluq temporanju tal-uffiċċju tal-Espatrijati f’Ħal Far

Min-nhar it-Tnejn 6 ta’ April, l-uffiċċju tal-Espatrijati f’Ħal Far se jkun magħluq. Għaldaqstant, refuġjati u persuni li jgawdu minn protezzjoni sussidjara jew protezzjoni temporanja fuq bażi umanitarja, u għandhom bżonn iġeddu l-permess ta’ residenza tagħhom, għandhom jibgħatu l-formola (li tista’ titniżżel minn fuq is-sit www.identitymalta.com taħt it-taqsima tal-Espatrijati) u d-dokumentazzjoni meħtieġa fuq [email protected], sabiex il-permess jiġġedded bi tliet xhur mid-data tal-approvazzjoni. Is-servizz relatat mal-Specific Residence Authorisation huwa temporanjament sospiż. Mistoqsijiet oħra relatati mas-servizzi offruti minn dan l-uffiċċju, għandhom jintbagħtu fuq [email protected].

  1. Taqsima tal-Espatrijati

Flimkien mal-miżuri li tħabbru l-ġimgħa l-oħra qed inżidu dawn ukoll:

  • Ċittadini tal-UE, EEA jew Svizzeri kif ukoll l-familjari tagħhom li ilhom f’Malta tliet xhur u għadhom m’applikawx għad-dokument ta’ residenza tagħhom, kif ukoll dawk li jeħtieġu jġeddu d-dokument tagħhom għandhom jibgħatu t-talba tagħhom fuq [email protected];
  • Qraba ta’ ċittadini ġejjin minn pajjiżi terzi u applikanti għall-permess ta’ residenza temporanju li jeħtieġu japplikaw għall-ewwel darba jew iġeddu l-permess tagħhom, għandhom jibgħatu t-talba tagħhom fuq [email protected].
  • L-interviews tal-koppja sabiex jiġi kkonfermat jekk il-konjugu barrani jgawdix mill-moviment ħieles (freedom of movement) qed jiġu sospiżi. 

Fis-sitwazzjoni kurrenti, qed jiġu aċċettati biss applikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza u xogħol lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’każ li huma highly skilled workers (Key Employee Initiative) kif ukoll ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, kura tal-anzjani u ta’ nies b’diżabilità. Dawn it-tip t’applikazzjonijiet, kif ukoll tiġdid ta’ permess ta’ residenza u xogħol jew tibdil fl-impjieg, għandhom jiġu sottomessi fuq https://singlepermit.gov.mt/ minn min iħaddem, wara li jkun irreġistra fuq [email protected], hekk kif ħabbarna ftit tal-ġranet ilu.

  1. Servizz relatat ma’ viża b’appuntament

Min-nhar it-Tnejn 6 t’April, it-Taqsima tal-Viża se tara biss lil dawk li jkollhom appuntament bejn it-08:00am u l-11:00am. Kull min jixtieq jagħmel appuntament, għandu jibgħat email fuq [email protected].

  1. Studenti barranin li qed jistudjaw f’pajjiżna

Dawk l-istudenti ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qed jistudjaw l-Ingliż f’Malta, f’waħda mill-istituzzjonijiet akkreditati mill-kunsill tal-ELT, jistgħu japplikaw għal viża fuq [email protected] sabiex jirregolarizzaw il-preżenza tagħhom f’pajjiżna sal-aħħar tal-kors. Dan japplika wkoll għal dawk l-istudenti ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li qegħdin f’Malta u qed jistudjaw kors online fil-livelli ta’ MQF 1 sa 4. 

Filwaqt li dawk l-istudenti ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qegħdin jistudjaw f’Malta fl-livell ogħla u wasal biex jiskadilhom il-permess ta’ residenza tagħhom, għandhom japplikaw fuq [email protected], biex iġeddu l-permess tagħhom. 

  1. Sospenzjoni ta’ interviews relatati m’applikazzjonijiet fuq bażi ta’ żwieġ

B’mod temporanju, se jieqfu l-interviews li jsiru lill-koppji fejn wieħed mill-konjugi jkun barrani, u tkun qed issir applikazzjoni għal ċittadinanza Maltija fuq bażi ta’ żwieġ.

Sport