Ninsabu ftit inqas minn sentejn bogħod mill-elezzjoni ġenerali. U aktar ma joqrob iż-żmien ta’ meta tissejjaħ din id-data, aktar tintensifika l-ħidma min-naħa tal-partiti politiċi. Għalkemm fadal ftit mhux ħażin għall-elezzjoni, huwa tajjeb li wieħed ikun jaf il-polz tal-elettorat fejn jinsab fil-preżent.
Dan jiġi osservat minn stħarriġ tal-opinjoni pubblika li jitwettaq minn kmamar tal-aħbarijiet differenti minn żmien għal żmien. B’dan il-mod, ikun hemm stampa aktar ċara dwar liema partit politiku u anke liema mexxej tal-partit ikun qed igawdi fil-mument l-akbar appoġġ u fiduċja mill-elettorat.
L-aħħar stħarriġ kien ippubblikat il-Ħadd li għadda li ta vantaġġ b’saħħtu lill-Partit Laburista, li qed igawdi minn appoġġ ta’ 51.6% filwaqt li l-Partit Nazzjonalista għandu 42.8%. Dan jissarraf f’distakk ta’ madwar 24,000 vot bejn iż-żewġ partiti.
Mill-istess stħarriġ ħareġ ukoll li l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela huwa fdat aktar mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech. Distakk li baqa’ sinifikanti bejniethom.
Dan mhuwiex l-uniku stħarriġ li ta dan ir-riżultat imma diversi stħarriġ oħra li saru fix-xhur li għaddew ukoll indikaw li l-PL igawdi l-fiduċja tal-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdin. Għalhekk il-mistoqsija wara dan kollu tqum waħedha. Għal-liema raġuni l-Partit Nazzjonalista għadu mhux jirnexxilu jiġbed lejh il-fiduċja tal-poplu?
Diversi esponenti tal-Partit Nazzjonalista fl-aħħar sigħat tkellmu wkoll f’dan ir-rigward u esprimew id-diżappunt tagħhom li l-PN għadu mhuwiex jitqies bħala alternattiva għall-Gvern. Fost dawn kien hemm il-kandidat għall-elezzjoni ġenerali u eks Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino li ddikjara li l-PN mhuwiex jirnexxielu jikkonvinċi lin-nies.
Min-naħa l-oħra, ilna ħafna nisimgħu li l-PN irid ikun miftuħ aktar u jeħtieġ li jkun hemm aktar għaqda fil-partit. B’danakollu bil-ġrajjiet li seħħew dan l-aħħar fi ħdan il-PN komplew jikxfu beraħ il-qsim fundamentali li hemm fil-partit. Barra minn hekk, il-protesti u d-dimostrazzjonijiet fit-toroq, l-għajjat u tgħajjir u l-abbandun tas-seduti parlamentari xejn mhu qed iservu ta’ ġid għall-PN.
Dan il-ġurnal jemmen li l-PN jeħtieġ, għax hekk jaqbel lilu nnifsu jekk irid ikun gvern alternattiv ta’ veru, u lill-poplu Malti u Għawdxi, li jitbiegħed min-narrattiva konfrontazzjonali tiegħu.
Fuq in-naħa l-oħra, il-poplu qiegħed jara Gvern Laburista li jħares ’il quddiem u jmexxi politika ta’ bidliet favur in-nies u fil-fatt din il-ħidma qiegħda tkun rikonoxxuta kif jixhed stħarriġ wara l-ieħor.