Tammy Caruana ta’ 25 sena residenti San Pawl il-Baħar, li fil-Qorti qalet li ma taħdimx baqgħet tnżammet arrestat wara li ċaħdet l-akkużi li allegatament frodat mal-200 persuna meta kienet qed tagħmilha ta’ bank lokali.
Investigazzjoni li saret mid-Dipartiment tal-investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji tal-Pulizija ta’ Malta b’koordinazzjoni mal-Europol u l-awtoritajiet Irlandiżi u tar-Renju Unit waslu biex fit-2 ta’ Frar ġiet arrestata Caruana flimkien ma’ anzjan ta’ 82 sena li jiġi n-nannu tagħha.
Caruana hija s-suspettata ewlenija lokali li kienet qed topera lokalment skema ta’ fordi online li permezz tagħha allegatament kienet qed tagħmilha ta’ bank lokali.
Il-Prosekuzzjoni qalet li sal-lum, il-Pulizija identifikat madwar 200 vittma li kollettivament sofrew telf li jammonta għal €1 miljun. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija rabtu lil din it-tfajla ma’ network kriminali internazzjonali b’rabtiet mal-Irlanda u r-Renju Unit.
Il-Pulizija ta’ Malta ssekwestrat mat-€8,000 fi flus kontanti minn residenza f’Raħal Ġdid, waqt li fit-tfittxija oħra fil-Qrendi rriżultat fis-sekwestru ta’ diversi mobiles u apparat elettroniku.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo lagħqet it-talba ta’ qbid u ffriżar tal-assi ta’ Caruana.
Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-garvità tar-reat.
Wara li semgħet liż-żewġ naħat il-Maġistrat Farrugia Frendo ċaħdet it-talba għal ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Claire Vella Borg flimkien mal-Avukati Marica Ciantar u Mauro Abela f’isem l-Avukat Ġenerali. Għal Bank of Valletta plc deher il-Professur Stefano Filetti. Għall-akkużati dehru l-Avukat Roberto Spiteri u Franco Galea.

