Sunday, December 22, 2024

Tidħol fis-seħħ il-liġi l-ġdida li tirregola l-użu responsabbli tal-kannabis

Aqra wkoll

Mil-lum daħal fis-seħħ l-Att Nru LXVI tal-2021 (Kapitolu 628 tal-Liġijiet ta’ Malta) li jwaqqaf l-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis u li jemenda diversi liġijiet fir-rigward ta’ ċerti attivitajiet relatati mal-kannabis. B’hekk, qed tidħol fis-seħħ riforma b’saħħitha dwar il-mod ta’ kif is-soċjetà tagħna tħares lejn u titratta ċittadini li jagħmlu użu responsabbli tal-kannabis, waqt li tattakka t-traffikar illegali u toħloq qafas regolatorju li jipproteġi lill-minuri u lis-soċjetà in ġenerali.

Il-gvern dejjem iħeġġeġ lil dak li jkun li jagħmel l-aħjar għażliet għall-benesseri tiegħu jew tagħha u kien, għadu u se jibqa’ jinvesti fi programmi ta’ prevenzjoni mill-abbuż tas-sustanzi kollha u l-vizzji. Fl-istess waqt, il-gvern ħass il-ħtieġa li jirrispondi għar-realtajiet ta’ madwarna b’mod li dawk l-adulti li jagħżlu li jagħmlu użu mill-kannabis f’ammonti żgħar ma jibqgħux jgħaddu mit-tbatija u mill-umiljazzjoni li jġibu magħhom l-arresti u l-proċeduri quddiem it-tribunali jew il-qrati.

Fuq kollox, permezz ta’ din il-liġi, se jiġu attakkati b’mod ċar u effettiv iċ-ċrieki tat-traffikar tal-kannabis, il-black market u l-kriminalità li hija assoċjata magħhom.

Għalhekk din il-liġi tagħti l-possibbiltaà ta’ kultivazzjoni sa massimu ta’ erba’ pjanti fid-djar għall-użu personali u se tipprovdi għall-possibbiltà tal-ħolqien ta’ sorsi regolarizzati u siguri minn fejn persuna tista’ tikseb il-kannabis u ż-żrieragħ tal-kannabis f’ammonti limitati u taħt kundizzjonijiet stretti. Dan bi dħul fis-seħħ ta’ assoċjazzjonijiet “non-profit” u regolati strettament li se jkunu reġistrati mal-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis.

Fl-istess waqt, ser jittieħdu l-prekawzjonijiet u s-salvagwardji legali neċessarji bl-impożizzjoni ta’ multi ġodda u qawwija sabiex jiġu mħarsa l-minuri u l-pubbliku in ġenerali filwaqt li ser jissoktaw l-isforzi edukattivi fl-iskejjel, fil-komunitajiet u anke f’postijiet oħra kontra l-użu tad-drogi, partikolarment fejn jidħlu ż-żgħażagħ.

Il-liġi l-ġdida, li għandha fil-bażi tagħha l-prinċipju ta’ harm reduction, tipprovdi wkoll li persuni li fil-passat instabu ħatja minn qorti ta’ reat li se jkun qed jiġi dekriminalizzat jew depenalizzat, issa ser ikunu jistgħu jneħħu s-sentenza mill-kondotta b’sempliċi talba bil-miktub, mingħajr il-ħtieġa ta’ proċeduri fil-qrati.

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici fakkar li r-riforma rigward l-użu responsabbli tal-kannabis issegwi wegħda elettorali u proċess ta’ konsultazzjoni estensiv li laħaq il-qofol tiegħu f’Marzu li għadda bit-tnedija ta’ White Paper u laqgħat ma’ diversi stakeholders fi proċess li kien attira 350 sottomissjoni.

“Id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi robusta u b’saħħitha huwa ċertifikat pożittiv ieħor ta’ kemm dan il-gvern ma jiddejjaqx jieħu deċiżjonijiet kuraġġużi billi jimplimenta riformi għaqlin u bla preċedent biex iwettaq il-bidla u l-ġustizzja soċjali fl-aħjar interess tas-soċjetà kollha kemm hi”, qal Dr Bonnici.

Ekonomija

Sport