Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, iħabbar li lbieraħ kien ippubblikat l-Att Nru VIII tal-2025 u daħlu fis-seħħ l-emendi fil-Kodiċi Kriminali, Kapitlu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, li jirriformaw l-inkjesti maġisterjali. Din hija riforma oħra minn sensiela ta’ riformi mwettqa mill-Gvern fis-settur tal-ġustizzja, li jixhdu l-impenn bla preċedent f’pajjiżna li jissaħħaħ l-aċċess għal ġustizzja u r-rispett lejn is-saltna tad-dritt.
Dawn l-emendi jsegwu l-pass storiku u kuraġġuż li ħa l-Gvern is-sena li għaddiet, meta wara l-ħatra ta’ erba’ maġistrati addizzjonali, l-inkjesti bdew isiru minn grupp ta’ erba’ maġistrati speċjalizzati u ffukati biss fuq inkjesti. Dan kien pass intiż biex mhux biss titjieb l-effiċjenza fis-servizz, imma wkoll il-kwalità.
It-tibdil leġiżlattiv, filwaqt li rrifletta dawn l-iżviluppi fis-settur tal-ġustizzja, ħoloq termini u skadenzi stabbiliti, drittijiet ġodda statutorji lill-vittmi, rispett lejn drittijiet fundamentali, rwoli definiti u kontabbiltà finanzjarja u fil-ħatra tal-esperti. Permezz ta’ din ir-riforma l-vittmi jew qrabathom, ser ikollom id-dritt li jkunu aġġornati kull sitt xhur bl-andament tal-inkjesti, ser ikunu jistgħu jingħataw kopja b’xejn tal-proċess verbal, kif ukoll ser ikunu infurmati dwar jekk tkunx ittieħdet deċiżjoni li ma tinbediex prosekuzzjoni.
Din ir-riforma tintroduċi wkoll emendi fl-inkjesti fuq talba taċ-ċittadin privat. Bil-proċedura l-ġdida mhux biss mhuwa se jiċċaħħad ebda aċċess għall-ġustizzja, iżda saħansitra jekk ma jkunx hemm eżitu mill-investigazzjoni tal-pulizija, il-proċess tal-konsiderazzjoni tat-talba biex tinfetaħ inkjesta ġie saħansitra elevat għal quddiem il-Qorti Kriminali preseduta minn imħallef, li jkun hu li jiddeċiedi jekk ikunx hemm lok li tibda inkjesta maġisterjali minn maġistrat inkwerenti.
“Iċ-ċittadin kien jiċċaħħad mid-dritt li fuq inizjattiva tiegħu ssir inkjesta maġisterjali, li kieku l-Gvern mexa kompletament mar-rakkomandazzjonijiet li sarulu matul is-snin dwar dawn l-inkjesti. Fil-fatt kemm il-Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja (30 ta’ Novembru 2013) kif ukoll il-Kummissjoni ta’ Venezja fl-opinjoni tagħha ta’ Diċembru 2018 kienu rrakkomandaw illi dawn l-inkjesti għandhom jgħaddu għand is-Servizz tal-Prosekuzzjoni u ma jibqgħux jitmexxew mill-maġistrati. Minflok il-Gvern b’responsabbiltà għażel it-triq li jsaħħaħ l-ispeċjalizzazzjoni tal-maġistrati u dan b’investiment bla preċedent, li issa ġie wkoll ikkumplimentat b’tibdil leġżlattiv b’rispett lejn l-impenn ċar li għandna bħala Gvern fil-Manifest Elettorali,” saħaq il-Ministru Jonathan Attard.
F’dak li jirrigwarda l-ħatriet u l-kontabbiltà tal-esperti, filwaqt li l-ħatra hija fid-diskrezzjoni tal-maġistrat, madanakollu espert għandu jkun persuna fiżika u mhux kumpanija u jekk mhux fil-lista ta’ esperti jrid jgħaddi minn proċess ta’ due diligenceli jitmexxa taħt is-superviżjoni tal-magistrat. Marbut mal-aspett tal-ħlas tal-esperti, fejn l-ispiża jkun hemm aspettativa li ser taqbeż il-€50,000, il-maġistrat irid jiġġustifika din it-talba u jitlob l-approvazzjoni tal-Prim Imħallef.
Dawn l-emendi legali kienu dibattuti f’aktar minn disa’ seduti parlamentari fit-tieni qari, u għal madwar seba’ sigħat oħra fi stadju ta’ kumitat, b’interventi mill-pubbliku u s-soċjetà ċivili. Fl-istadji parlamentari l-Gvern ressaq emendi li komplew isaħħu l-indipendenza u l-awtonomija tal-maġistrat inkwerenti u dan minkejja li fin-natura tagħhom l-inkjesti ma jiffurmawx parti mill-qalba tal-funzjoni kostituzzjonali tal-ġudikatura kif irrimarkaw il-Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja u l-Kummissjoni Venezja.
Il-Ministru għall-Ġustizzja jħares ’il quddiem biex fil-ġimgħat li ġejjin ikompli jimplimenta aktar riformi li jsaħħu l-ispeċjalizzazzjoni fis-settur tal-ġustizzja, inkluż bil-ħolqien ta’ Qorti tal-Kummerċ speċjalizzata u bir-riforma fil-kumpilazzjonijiet fost riformi oħra li qed issir ħidma fuqhom.