Friday, June 20, 2025

Tidħol fl-aħħar fażi l-konsultazzjoni pubblika dwar il-Miscarriage Leave 

Aqra wkoll

Matul l-aħħar laqgħa ta’ konsultazzjoni dwar l-introduzzjoni tal-Miscarriage Leave ġewwa pajjiżna, din id-darba organizzata f’Għawdex, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul saħaq illi matul dawn l-aħħar tliet xhur ta’ konsultazzjoni, il-Gvern intensifika d-diskussjoni fuq dan is-suġġett, fejn mhux biss sema’ diversi esperjenzi personali ta’ korriment tat-tqala iżda wkoll ġabar diversi suġġerimenti u proposti mingħand esperti fil-qasam, l-imsieħba soċjali u kif ukoll mingħand il-pubbliku. 

F’din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni pparteċipaw Membri Parlamentari, kemm min-naħa tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni, kif ukoll diversi imsieħba soċjali fosthom il-Kumitat Reġjonali ta’ Għawdex. Tkellmu wkoll Lara Sammut – Allied Health Practioner fl-Isptar Mater Dei u Akkademika fl-Università ta’ Malta, Sarah Farrugia li hija għalliema u rrakkontat l-esperjenza personali tagħha u kif ukoll Maria Grech Debono – Systemic Family Psychotherapist fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul tenna li l-aħħar laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-introduzzjoni tal-Miscarriage Leave ttellgħet f’Għawdex sabiex il-Gvern ikompli jagħti firxa nazzjonali lil din l-inizjattiva li tolqot tant nies ta’ kuljum. Dr Ellul irringrazzja lil dawk il-mijiet ta’ professjonisti u individwi li pparteċipaw u taw il-kontribut tagħhom matul dawn il-laqgħat ta’ konsultazzjoni.

“Il-fażi li jmiss ta’ din il-konsultazzjoni hi li ser nagħtu l-opportunità lil kull min jixtieq jaqsam il-ħsibijiet u s-suġġerimenti tiegħu iżda għal xi raġuni ma setax jattendi waħda mil-laqgħat organizzati, sabiex xorta jkun jista’ jagħmel dan b’mod online,” spjega Dr Ellul. 

Is-Segretarju Parlamentari Ellul temm jgħid, “Pajjiżna se jkun wieħed mill-ewwel pajjiżi li jintroduċi l-Miscarriage Leave imħallas kompletament mill-Gvern, sabiex inkomplu nsaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema. B’hekk qed nibagħtu messaġġ ċar li dan il-Gvern qiegħed hawn biex joffri sapport fil-mumenti li n-nies verament ikollhom bżonn.”

Fid-diskors tagħha, Lara Sammut spjegat li f’riċerka mwettqa mill-Università ta’ Malta, instab li madwar 23% tan-nisa li jesperjenzaw threatened miscarriage jispiċċaw b’telf tat-tqala.  Barra minn hekk, madwar 1,000 mara fis-sena tirrikorri għall-għajnuna minħabba kumplikazzjonijiet fl-ewwel trimestru tat-tqala. Hija kompliet tispjega li permezz ta’ din ir-riċerka, inħoloq mudell xjentifiku li kapaċi jbassar bi preċiżjoni ta’ 93% kif se tiżvolġi tqala wara threatened miscarriage. Dan jippermetti interventi personalizzati u kura aktar effettiva. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport