Koppja li kienu ilhom joħorġu flimkien għal madwar ħames snin, ippjanaw it-tieġ tagħhom għal Mejju 2022. Meta saru jafu li kien se jkollhom tarbija lejn Ġunju huma ddeċidew li jkomplu bil-preparamenti tat-tieġ minħabba li kien hemm xahar differenza.
Iżda mbagħad ġara dak li ma stennewx. L-uġigħ beda minn qabel u proprju fil-ġurnata tat-tieġ l-għarusa kellha tidħol l-isptar. Ftit sigħat wara l-koppja kellhom tifel li semmewh Rory u t-tieġ kellu jitħassar.
L-għarusa qalet li qatt ma bassret li kienet se twelled daqshekk qabel iżda minkejja kollox dan kien l-isbaħ rigal tat-tieġ li qatt setgħet tirċievi.
Hija qalet li kull għarusa tkun tixtieq li jkollha tieġ memorabbli u fil-każ tagħha, Rory għamel ċert li ommu tibqa’ tiftakar din il-ġurnata għal dejjem. Il-koppja qalet li kien impossibbli li jipposponu l-ġurnata tat-tieġ ftit sigħat qabel għalhekk jittamaw li fil-futur qarib jerġgħu jippjanawh mill-ġdid.