Saturday, November 23, 2024

Tifel mhedded minn missieru li jekk imur għand ommu ma jaċċettahx lura

... Spiċċa jgħix mal-missier minħabba l-pandemija peress li ommu kienet inferrmiera

Aqra wkoll

Koppja li kienu separati, kienu qablu bejniethom li peress li l-omm kienet taħdem ta’ infermiera fl-isptar u kienet taħdem ma’ persuni li jkunu fi kwarantina, fatt  li seta’ joħloq riskju għat-tifel, kien ikun aħjar għall-istess tifel jgħix ma’ missieru.  L-omm tistqarr li hi baxxiet rasha u aċċettat għal ġid tat-tifel. Ġara iżda li meta l-każi ta’ Covid-19 bdew jonqsu, il-missier beda jhedded lit-tifel li jekk ser jmur għand ommu, hu ma kienx ser jaċċettah lura. Il-missier kien jgħidlu ukoll li ma għandux imur għand ommu peress li tgħix ma’ mara oħra. 

Fil-Qorti il-mara xehdet li żżewġet lir-raġel nhar it-12 ta’ April tas-sena 2003 u kellhom tifel li twieled fis-sena 2002. Xehdet li dan iż-żwieġ ma rnexxiex minħabba raġunijiet fosthom inkompatibilità ta’ karattru. Sostniet li r-raġel tagħha waqaf milli jaħdem ħames snin wara li żżewwġu u kien ħa s-somma mit-Tarzna. Xehdet li hi  dejjem ħadmet żewġ xogħolijiet biex iżżomm il-familja komda. 

Qalet li sseparaw nhar it-30 ta’ Awwissu tas-sena 2018. Ikkonfermat ukoll li ma hemm ebda tama ta’ rikonciljazzjoni għax hi llum għandha ħajja independentement minn żewġha. Xehdet illi rigward il-manteniment tat-tifel, il-partijiet kienu ftehmu li t-tifel jgħix ġimgħa mal-missier u ġimgħa magħha u kulħadd jieħu ħsieb li jmantni lit-tifel skond il-ġimgħa, bl-ispejjes ta’ saħħa u edukazzjoni jinqasmu bejniethom. Iddikjarat li r-raġel żamm id-dar matrimonjali u kellu jgħaddi s-somma ta €100,000 lilha.  Ġara illi hi ċediet li taċċetta għal tali somma għax riedet li sserraħ moħħha li t-tifel jibqa’ jitrabba fl-ambjent li trabba fih. Sakemm tħallset ta sehemha hija marret toqgħod ma’ ħabiba tagħha.

Sostniet li l-missier kien jgħid lit-tifel li peress li kienet għadha mingħajr residenza personali tagħha, kien aħjar li jibqa’ joqgħodi miegħu. Kompliet tgħid li meta xtrat il-post, it-tifel mar jgħix magħha għal xi żmien iżda ġara li faqqgħet il-pandemija u l-missier kien insista li t-tifel jibqa’ jgħix miegħu peress li xogħolha ta’ infermiera u kienet qed taħdem ma’ persuni li jkunu fi kwarantina. Tistqarr li għalkemm kienu siguri mill-Covid, hija xorta waħda baxxiet rasha u aċċettat li t-tifel jibqa’ mal-missier. Iżda meta naqqas il-Covid, il-missier beda jhedded lit-tifel illi jekk ser jmur għand ommu, ma kienx ser jaċċettah lura. Kien jgħidlu ukoll illi ma għandux imur għand ommu peress li tgħix ma’ mara oħra. 

L-omm iddikjarat li dejjem għamlet minn kollox u kull sagrifiċċju għal binha, kif ukoll dejjem tagħtu l-għajnuna privata neċessarja għal psikjatra li kellu bżonn l-istess tifel, mentri l-missier  qabad u waqqaflu l-visti privati u baqa’ juża s-servizz tal-Istat minħabba l-flus. Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħhom aċċettat li dan iż-żwieġ jinħall.

Sport