Mara tinsab investigata b’rabta mal-mewt ta’ Samuele, tifel ta’ tliet snin li għereq fi ftit ċentimetri ta’ ilma waqt li kien qiegħed jilgħab f’pixxina żgħira li tintefaħ.
L-investigazzjoni tinsab għaddejja mill-Pulizija Taljana filwaqt li l-prosekutur ta’ Katanja ordna l-awtopsja taċ-ċkejken.
Jidher li l-inċident seħħ meta n-nanna tal-vittma kienet qiegħda tagħmel xi xogħol fil-kċina li tinsab ftit metri bogħod, iżda maċ-ċkejken kien hemm mara ħabiba tagħhom.
Li ġara kien li meta nanntu ntebħet li xi ħaġa ma kinitx flokha, kien tard wisq għax in-neputi kien diġà bla ħajja. Il-mara ħabiba tagħhom issa qiegħda tiġi investigata b’akkuża ta’ qtil involontarju taċ-ċkejken minħabba li qiegħed ikun mifhum li fil-ħin tal-inċident hija kienet assumiet r-responsabbiltà tiegħu.