Kanċer inkurabbli ta’ tifla adoloxxenti tneħħa minn ġisimha bl-użu ta’ tip ġdid rivoluzzjonarju ta’ mediċina.
It-trattamenti l-oħra kollha għal lewkimja ta’ Alyssa kienu fallew. Għaldaqstant it-tobba fl-Isptar Great Ormond Street użaw “base editing” biex iwettqu tip ta’ mediċina ġdida.
Sitt xhur wara dan il-kanċer ma nstabx, iżda Alyssa għadha qiegħda tiġi mmoniterjata f’każ li jerġa’ jfeġġ. Alyssa, li għandha 13-il sena u minn Leicester, ġiet iddijanjostikata b’lewkimja akuta f’Mejju tas-sena li għaddiet.
Il-kanċer tagħha kien wieħed aggressiv, bil-kimoterapija mbagħad it-trapjant tal-mudullun ma kinux biżżejjed biex ineħħuh minn ġisimha. Mingħajr din il-mediċina, l-unika għażla li kien fadal kienet tkun li Alyssa tibqa’ komda kemm jista’ jkun.
“Eventwalment kont se mmut,” qalet Alyssa. Ommha, Kiona, qalet li bħal dan iż-żmien sena ilu kienet qiegħda tibża mill-Milied, “taħseb li dak kien se jkun l-aħħar wieħed tat-tifla magħhom.” Imbagħad hija bkiet meta bintha għalqet 13-il sena f’Jannar li għadda.
Li ġara wara kien ikun inkoċepibbli ftit snin ilu biss u sar possibbli minn avvanzi inkredibbli fil-ġenetika. It-tim fi Great Ormond Street uża teknoloġija msejħa “base editing”, li kienet żviluppata sitt snin ilu biss.