Tifla ta’ 10 snin li kienet passiġġiera qed issofri minn ġrieħi gravi. Dan wara li lbieraħ għall-ħabta tas-1:00 p.m, seħħ inċident tat-traffiku fi Triq il-Marrubja kantuniera ma’ Triq il-Ħobbejża, fiż-Żejtun.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta liseħħet ħabta bejn bowser tal-ilma misjuq minn raġel ta’ 20 sena residenti San Pawl il-Baħar u vann Ford Transit misjuq minn raġel ta’ 69 sena residenti Ħaż-Żebbuġ.
Passiġġieri fil-vann kien hemm tfajla ta’ 17-il sena kif ukoll 16-il tifel u tifla, filwaqt li fil-bowser kien hemm ukoll raġel ta’ 52 sena residenti San Pawl il-Baħar.
Tim mediku ssejjaħ fuq il-post u wara, it-tfajla flimkien ma’ erbat ibniet u tliet subien li għandhom bejn 7 snin u 13-il sena ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanzi għal aktar kura medika.
Aktar tard, tifla ta’ 10 snin ġiet ċċertifikata bi ġrieħi gravi filwaqt l-oħrajn ġew iċċertifikati bi ġrieħi ħfief.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ