Thursday, December 26, 2024

Tifla ta’ 11-il sena tesprimi x-xewqa tagħha li tara iżjed mudelli b’diżabilità fuq il-catwalk

Dannah Orsini, rebbieħa ta’ diversi konkorsi tas-sbuħija lokali u internazzjonali

Aqra wkoll

Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iżjed qed nisimgħu bi tfal Maltin li jagħmlu unur lil pajjiżna ‘l barra minn xtutna f’diversi oqsma, fosthom dak tal-immudellar – settur li sfortunatament f’pajjiżna għadu ma jingħatax rikonoxximent daqskemm mixtieq, tant li ħafna drabi jkun hemm persuni li għalkemm ikunu kisbu riżultati sodisfaċenti barra minn Malta, jilħqu jgħaddu s-snin sakemm ma nisimgħu bihom.

Każ ċar huwa dak ta’ Dannah Orsini – tifla ta’ 11-il sena li matul l-aħħar snin għamlet suċċess kbir f’diversi konkorsi tas-sbuħija, kemm dawk lokali kif ukoll f’għadd oħrajn li saru ‘l barra minn xtutna, fosthom fl-Italja u f’Dubai.

Dan il-ġurnal iltaqa’ ma’ Dannah. Hija qaltilna li riċentament għadha kemm ġiet fl-ewwel post mill-kategorija tagħha fil-konkors tas-sbuħija ’La Perla D’Italia’ li sar f’Salerno. B’kollox ħadu sehem 15-il persuna f’din il-kategorija li pparteċipat fiha. Hija sostniet li din kienet waħda mill-isbaħ esperjenzi ta’ ħajjitha, speċjalment meta tqis li kienet kompetizzjoni kemxejn intiża meta kkumparat mal-preparamenti li jirrikjedu konkorsi fix-xena lokali: “Esperjenza li ma ninsieha qatt; kienet l-aħjar esperjenza ta’ ħajti”.

Il-vjaġġ tagħha b’rabta ma’ ’La Perla D’Italia’ ma spiċċax hawn. Dannah qaltilna li fil-ġimgħat li ġejjin hija mistennija tmur Spanja fejn se tkun qed tieħu ammont ta’ ritratti bħala parti minn photoshoot, fost oħrajn. F’Settembru tas-sena d-dieħla, Dannah se terġa’ tmur l-Italja sabiex filwaqt li ċċedi t-titlu tagħha, tkun hi li tlibbes il-kuruna lir-rebbieħa l-ġdida.

Dannah b’kampanja kontinwa biex tkisser l-istigma kontra l-persuni b’diżabilità

Lil Dannah staqsejnieha wkoll dwar l-“advocacy” tagħha f’dawn it-tip ta’ kompetizzjonijiet. Hija fissret ma’ dan il-ġurnal li l-għan tagħha huwa li tkompli toħloq kuxjenza dwar l-inklużjoni, b’mod partikolari għal dawk il-persuni li għandhom xi diżabilità u jżommu lura milli jieħdu sehem f’attivitajiet bħal dawn: “Għandi ħabiba tiegħi stess biż-diżabilità u nagħmlilha partita sapport … nixtieq li fil-futur nara iktar mudelli b’diżabilità jimmudellaw fuq il-catwalk”.

Minn daqsxejn ta’ tifla tilgħab bl-ilbiesi għal rebbieħa ta’ diversi titli internazzjonali

Dannah bdiet il-vjaġġ tagħha f’dan is-settur propju sitt snin ilu: “Kont noqgħod nilbes l-ilbiesi, nara lin-nies jilbsu dawk l-ilbiesi l-kbar … tħeġġiġt biex nibda. Minn hemmhekk, il-karriera tiegħi kibret [sakemm] sitt snin wara qiegħda hawnhekk; mort ħafna kompetizzjonijiet barra minn Malta”. Uħud mid-diversi rebħiet li kellha u li għandha tassew għal qalbha huma:

Lokali:

  • Mini Miss Mediterranean 2017
  • Mini Miss European 2017
  • Summer Couture 2022
  • Stilla Maltija 2023

Internazzjonali:

  • Best Kid Model of Europe 2019 (Milan)
  • Miss Baby Belebung 2020
  • International Fashion Runway Dubai 2020: First Runner Up; Best Smile; Best Fashion Model Worldwide
  • International Fashion Runway Dubai 2021: Best Ramp Walk
  • Golden Kids Stars 2022 (Dubai)
  • La Perla D’Italia 2023 (Salerno)

Żewġ persuni u mudelli li kienu ta’ ispirazzjoni fil-karriera ta’ Dannah huma Gigi Hadid u Bella Hadid. Hija qaltilna li għandha ammirazzjoni kbira lejn Gigi Hadid għall-fatt li bdiet il-karriera tagħha mix-xejn u issa kisbet fama internazzjonali f’dan il-qasam tant li hija waħda mill-iktar mudelli b’pagi għoljin f’dan is-settur. Min-naħa l-oħra, simili għal Bella Hadid, Dannah għandha għal qalbha l-iddisinjar tal-ħwejjeġ.

Il-pjanijijiet ta’ Dannah għall-futur qarib…

Fl-4 ta’ Novembru li ġej, Dannah se tkun waħda mill-kontestanti ta’ Face of Gaetano – konkors tas-sbuħija organizzat minn Gaetano Promotions. F’kumment li tana d-Direttur tal-kumpanija, Gaetano Busuttil, huwa fisser li Face of Gaetano toffri opportunitajiet lil nies ta’ età varja, komposta minn  għadd ta’ kategoriji skont l-età rispettiva tagħhom. Huwa kompla jgħidilna li hemm ċertu proċess  li jsir f’pajjiżna stess qabel ma jingħażlu r-rebbieħa biex jirrappreżentawna fl-Ingilterra, fosthom il-photoshoots u xi intervisti.

“Dakinhar tal-finali jkollhom mistoqsijiet waqt li jkunu fuq l-istejġ, u ovvjament ir-rebbieħa minn tmien snin ‘il fuq jirrappreżentaw lil Malta fl-Ingilterra ġewwa l-YEMI u jekk jerbħu fl-Ingilterra jistgħu wkoll jirrappreżentaw lil Malta fl-Amerka,” temm jgħid Gaetano.

Dannah għalqet din l-intervista b’messaġġ ta’ ringrazzjament lejn Gaetano għall-fiduċja li juri lejn il-mudelli u bħala ringrazzjament għall-opportunitajiet li provdielha s’issa: “Grazzi tal-opportunitajiet kollha li tagħtini u li kuljum temmen fija u fil-mudelli l-oħrajn”.

Ekonomija

Sport