Saturday, September 14, 2024

Tiftaħ il-bibien edizzjoni oħra tal-fiera ‘I Choose – Nagħżel il-Karriera Tiegħi’

Aqra wkoll

Nhar il-Ġimgħa 19 ta’ Lulju jingħata bidu għall-avveniment ‘I Choose – Nagħżel il-Karriera Tiegħi’, fiera tal-karrieri li ssir kull sena u hija miftuħa għal studenti tal-Istat, tal-Knisja u tal-iskejjel indipendenti li jkunu temmew l-edukazzjoni obbligatorja. Dan l-avveniment isir mal-perjodu tal-ħruġ tar-riżultati tal-MATSEC bl-għan li jassisti lill-istudenti tas-Sena 11 (Form 5) biex jevalwaw l-għażliet tagħhom, ifittxu parir u jagħmlu l-għażliet it-tajba.

Waqt li nieda l-fiera tal-karrieri, il-Ministru Clifton Grima feraħ lill-istudenti li għaddew mill-eżamijiet u għamel kuraġġ lil dawk li qed jaspiraw għal riżultati aħjar. “Il-Fiera I Choose hija opportunità oħra li qed nagħtu kull sena li permezz tagħha l-istudenti jistgħu jesploraw aktar għażliet ta’ karrieri u hija opportunità eċċellenti biex l-istudenti jiksbu għarfien adegwat dwar korsijiet differenti li jistgħu jsegwu wara l-edukazzjoni obbligatorja. Hija fiera li tressaq lill-istudent lejn x’joffri s-settur edukattiv biex huma jkomplu l-edukazzjoni tagħhom, kif ukoll dwar il-ħtiġijiet emerġenti fid-dinja tax-xogħol”, qal il-Ministru Grima.

Il-Ministru Grima tenna li l-għan prinċipali tal-fiera tal-karrieri huwa li tassisti lill-istudenti biex jagħmlu għażliet infurmati għall-futur tagħhom. Huwa ħeġġeġ lill-istudenti kollha tal-11-il sena biex jattendu għall-fiera I Choose u b’hekk jiksbu l-għajnuna kollha meħtieġa għall-għażla importanti għall-futur tagħhom.

Studenti oħra li għadhom kif spiċċaw l-iskola postsekondarja jew terzjarja u membri tal-pubbliku li huma interessati li jkomplu jistudjaw jew li jakkwistaw informazzjoni dwar karrieri differenti, jsibu wkoll l-informazzjoni u s-sapport li jkollhom bżonn biex jagħmlu għażliet infurmati waqt din il-fiera. L-istudenti li jixtiequ aktar għajnuna wara l-fiera jistgħu wkoll jagħmlu kuntatt mal-career advisors tal-kulleġġi diversi f’Malta u Għawdex u hemmhekk isibu servizz ta’ gwida għall-karrieri professjonali.

Din il-fiera edukattiva hija miftuħa l-Ġimgħa 19 ta’ Lulju bejn l-16:00 u t-20:00 u s-Sibt 20 ta’ Lulju mid-09:00 sas-13:00 fil-lukanda Excelsior, il-Furjana. Aktar tagħrif dwar ‘I Choose – Nagħzel il-Karriera Tiegħi’ jinsab fis-sit https://education.gov.mt/i-choose/.

Fis-sit elettroniku ‘Explore More-My Journey Portal’, hemm aktar informazzjoni dwar karrieri differenti u korsijiet post sekondarji disponibbli lokalment. L-informazzjoni hija ppreżentata b’mod interattiv b’videos qosra b’esperjenzi diretti minn persuni li jaħdmu fl-industrija u kwiżż qasir li jgħin lill-istudenti jidentifikaw is-settur tax-xogħol li huwa ta’ interess għalihom. Il-websajt hi kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż u tista’ tiġi aċċessata fuq http://exploremoreproject.eu/en/.

Ekonomija

Sport