Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri fetaħ b’mod uffiċjali s-66 edizzjoni tal-Malta Trade Fair fl-MFCC Ta’ Qali. Il-fiera, li saret appuntament annwali fil-kalendarju tas-sajf Malti, tkompli turi l-kreattività u r-reżiljenza tas-settur kummerċjali lokali.
Waqt id-diskors tiegħu l-Ministru saħaq li “Il-Malta Trade Fair hija xhieda ħajja ta’ ekonomija dinamika li sena wara sena tadatta għaż-żminijiet, u tkompli tikber fil-kwalità, id-diversità u l-esperjenza li toffri. Din il-fiera turi mhux biss is-saħħa tan-negozji Maltin, iżda wkoll kif l-ekonomija tagħna qed tiżviluppa b’mod reżiljenti u innovattiv. Illum, b’pedament finanzjarju stabbli u riżorsi b’saħħithom, nistgħu nagħtu direzzjoni ta’ dan it-tkabbir b’mod strateġiku – fejn il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadin jiġu fiċ-ċentru tal-viżjoni tagħna. Bħala Gvern se nkomplu ndawru dan it-tkabbir f’opportunitajiet konkreti għan-negozji tagħna, sabiex flimkien immexxu ’l quddiem il-futur ta’ pajjiżna.”
Il-ministru għamel referenza għall-Viżjoni Malta 2050, fejn fakkar li l-gvern huwa impenjat li jmexxi tkabbir li mhux biss jitkejjel bil-PDG (Prodott Domestiku Gross), iżda wkoll bil-kwalità tal-ħajja. L-ekonomija Maltija hija bbażata fuq pedament finanzjarju b’saħħtu li jippermetti lill-gvern jiffoka fuq direzzjonijiet strateġiċi ġodda, billi jidderieġi l-attività ekonomika b’mod li tibni fuq dan il-pedament u tirrifletti l-għanijiet tal-ġid komuni.
Il-Malta Trade Fair tibqa’ miftuħa sas-6 ta’ Lulju u qed toffri esperjenza unika b’aktar minn 140 esebitur, fejn il-kummerċ jiltaqa’ mal-kultura u l-innovazzjoni taħt saqaf wieħed.