Tuesday, July 1, 2025

Tiftakar l-aħħar każ ta’ forka…..titlaq lejn l-Istati Uniti… imma tibqa’ żżomm il-valuri Maltin 

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Mhux faċli tagħmel aktar minn ħamsin sena tgħix f’pajjiż barrani ferm u ferm bogħod minn art twelidek, maqtugħa mill-kultura Maltija, maqtugħa minn nies bħalek u tibqa’ żżomm il-valuri u l-kultura li tkun trabbejt biha. 

Żgur li l-ewwel intopp ikun fil-lingwa, għax l-ilsien li dejjem tkellimt bih sa minn meta tkun żgħir, f’dan l-pajjiż ikollok twarrbu għax ħadd ma jifhmek. L-istess fejn jidħol l-ikel u l-valuri li tkun trabbejt bihom. Minkejja dan, Maltin li emigraw żammew dawn il-valuri u l-ilsien tagħna. 

Waħda minn dawn hi Mary Dalton. Mhux biss baqgħet taf titkellem bil-Malti, mhux biss baqgħet tiftakar l-ikel Malti u dak li għaddiet minnu f’pajjiżna meta kienet żgħira, imma anke ġarret magħha lejn l-Istati Uniti drawwiet li kellha fil-familja f’Malta. Fost dawn id-drawwa li tgħid ir-rużarju kuljum. 

Il-ħajja fix-xelter… l-iSkabbja

Mary titkellem dwar il-ħajja fix-xelter, li kienet toffri l-protezzjoni  imma kienet ħajja iebsa ukoll. L-għadd ta’ nies fuq xulxin fix-xelters, u dawn minħabba li kienu taħt l-art kienu postijiet umdużi, bla ventilazzjoni u nuqqas ta’ indafa, ħolqu sfidi anke ta’ saħħa. Filfatt fil-gwerra minħabba dawn il-kundizzjonijiet kienet tfaċċat il-marda tal-iSkabbja. Din kienet marda li kienet tikkawża ħakk kbir u minħabba in-nuqqasijiet li kien hawn, mediċini għaliha ma kienx hawn. Kienu jippruvaw ifejquha billi jużaw ftit żejt, ħall u kubrik u jidilku l-ponot li tikkawża l-iSkabbja. 

Tiftakar l-aħħar każ ta’ forka f’Malta

Mary titkellem ukoll b’passjoni fuq l-aħħar każ ta’ forka li ngħatat f’Malta, għalkemm din kienet ingħata fil-ħabs ta’ Kordin. Il-każ, li kien diskuss sew f’pajjiżna baqa’ mmarkat f’moħħ Mary, li minkejja li għaddew 83 sena baqgħet tifktakar id-dettalji ċari. 

Tirrakkonta li l-każ kien idur ma’ ċertu wieħed Spiridione Grech, li kien spiċċa inqatel u nsterqulu madwar £400 li kellu fuqu. Jidher li dan Spiridione, f’Novembru tas-sena 1942 minkejja li l-gwerra kienet għadha għaddejja għalkemm l-attakki mill-ajru kienu naqsu ħafna, kien ftiehem li jagħmel negozju u dan billi jixtri l-qamħ. Minħabba li l-qamħ u l-ikel kien skars il-prezz tiegħu kien għoli sew.

Ġara li Grech ħabta u sabta għeb. Il-Pulizija investigaw u skoprew li hu kien deher l-aħħar fil-preżenza ta’ żewġt aħwa li kellhom ħanut tax-xorb fit-telgħa ta’ Ħal Luqa.  Meta l-Pulizija interrogaw liż-żewġ aħwa li kellhom il-ħanut wieħed minnhom implika lil ħuħ fil-qtil.  

Kien irriżulta li meta Spiru kien fil-ħanut hu inqatel hemmhekk minn wieħed mill-aħwa u radmuh f’miżbla li kien hemm wara l-ħanut. Fil-bidu, minkejja it-tfittxijiet mill-Pulizija il-katavru kien baqa’ ma instabx imma finalment l-aħwa indikaw fejn kien. Huma nstabu ħatja u ngħataw il-forka. 

Mary tgħidilna li “niftakar jiġbru l-flus għalihom. Dan kien isir kull meta xi ħadd jingħata l-forka.”

Tiġi Malta u tkun akkużata b’ilbies indiċenti

Mary, tirrakkontalna li għaddiet minn esperjenza mhux daqstant sabiħa f’pajjiżna meta ġiet għal vaganza iżżur il-qraba tagħha proprju f’Ġunju tas-sena 1964. Kien dak iż-żmien fejn l-awtoritajiet kienu qegħdin jagħmlu infurzar fuq ilbies li għal dak iż-żmien kien jidher li hu indiċenti.

Filfatt kienet dehret quddiem l-Maġistrat Dr Refalo u kienet akkużata li fit-12 ta’ Ġunju bejn l-10 u l-11 ta’ filgħodu kienet liebsa mhux xieraq u li ma obdietx l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija.  

“Konna għadna kemm ġejna minn Singapore. Kellna l-ġuħ. Waqafna il-Furjana u ddeċidejna li nmorru l-belt biex nieklu.  Konna qegħdin inħarsu lejn vetrina bil-ħwejjeġ. F’daqqa waħda ġie l-Pulizija u qalli li jien arrestata.  Staqsejtu għalxiex kont qed niġi arrestata.  Ordnali biex inmur miegħu l-għassa. Spiċċajna l-Għassa tal-Pulizija. 

Mary tgħidilna kif il-Pulizija kien xehed li kien mar fuqu Patri Ġiżwita u kien qallu li kien hemm mara liebsa indiċenti. Hu kien mar fuqha  iżda hi informatu li kienet liebsa sewwa.  Kien spjega li imbagħad ir-raġel tagħha kien għajjar lill-Pulizija li kien ‘marid b’rasu’.

Tispjega kif kien xehed l-Ispettur u dan kien iddikjara li għalih Mary kienet liebsa indiċenti. Kien iddikjara ukoll li hi m’obdietx l-ordni biex toħroġ mill-Għassa tal-Pulizija mgħottija.

Mary tirrakkonta li f’dan il-każ kien xehed ukoll is-Supretendent u dan kien iddikjara li l-libsa  kienet indiċenti għat-toroq tal-Belt imma kienet ‘diċentissima’ għal fuq ix-xtut.

Fil-każ kien tela’ jixhed il-Patri Giżwita fejn hu qal li kien ra lil Mary fi Triq in-Nofsinhar fil-Belt Valletta u hu ra li din kienet liebsa imqaċċta ħafna. Hu kien mar jirrappurtaha minnufih lill-Pulizija li kien għassa mat-traffiku f’dik li llum hi Triq ir-Repubblika. Mary kienet inħelset mill-akkużi u ġiet dikjarata li ma kinitx indiċenti. Ir-raġel tagħha weħel £1 għax kien instab ħati li għajjar lill-Pulizija.

Xejn  ma kienet faċli nrabbi erbat itfal… użajt il-valuri Maltin li trabbejt bihom

Mary titkellem magħna dwar il-ħajja fl-Istati Uniti wara li emigrat minn Malta. Kienet ħajja xejn faċli għaliha f’pajjiż barranin u b’ħames itfal. “Kienet iebsa biex trabbihom.  Kont naħdem tlett xogħlijiet. Tgħidli kif kont nagħmel dan? Ħafna jistaqsuhieli. Jien ngħid li jekk ikollok ir-rieda tasal.  Kont naħdem f’fabbrika – li kien ix-xogħol tiegħi, u wara kont inmur naħdem ġo dar tal-anzjani u kont nagħmel ukoll xogħol ta’ assistent ta’ infermiera ngħin persuni anzjani fi tmiem il-ġimgħa.  Dawn kienu l-valuri li ġibt miegħi minn Malta. 

Li taħdem. Li tistinka għal familji. Dawn huma valuri li trabbejna fihom aħna mindu konna żgħar. Dawn il-valuri għaddejthom ukoll lil uliedi”. 

Tenfasizza li “dejjem qgħadt attenta li l-valuri Maltin ngħaddihom lil uliedi.  Fost dawn li jgħinu lil ħaddieħor. Aħna f’Malta hekk konna imdorrijin. Wieħed jgħin lill-ieħor. Inmorru għand xulxin u ngħinu fejn hemm bżonn u fejn ikun meħtieġ.”

“Imqarrun il-Forn u l-Pastizzi’… għalija dan l-aqwa ikel Malti”

F’pajjiż fejn l-ikel hu totalment differenti minn dak f’pajjiżna, ma’ Mary tkellimna dwar l-ikel Malti li l-aktar li jogħġobha. “Jien għalija l-imqarrun il-forn  hu l-aqwa. Dak hu l-ippreferut tiegħi. Meta konna żgħar kienu jagħmlu dixx u jmorru bih għand tal-forn u mbagħad inmorru niġbruh. Kienet l-hena tagħna nikluh. Dak iż-żmien ma kienx bħal lum kulħadd bil-fran id-dar. Miegħu imbagħad il-pastizzi. Inħobbhom wisq”. 

“Niftakar ukoll il-qarnita. Dik ukoll kienet togħġobni ħafna. Niftakarhom isarju l-bebbux, imma dak ma jogħġobnix”, tgħidilna Mary Dalton. 

Għaliex l-Istati Uniti? 

Ma tonqosx li issemmi li wara l-gwerra kien hawn tifrik kbir. Il-popolazzjoni kienet bdiet tiżdied imma xogħol ma kienx hawn biżżejjed. 

Dwar dan, fis-sena 1947 kien sar rapport mill-Gvern  u dan kien tkellem b’mod ċar ħafna dwar il-mod kif il-qgħad kien qiegħed jgħolli rasu f’pajjiżna. Dan l-istess rapport kien tkellem dwar il-bżonn ta’ emigrazzjoni.  F’dak l-istess rapport kien intqal li ftit li xejn kien hemm prospetti ta’ emigrazzjoni lejn postijiet tradizzjonali bħall-Afrika ta’ Fuq. Ir-rapport kien qal iżda li hemm prospetti ta’ immigrazzjoni lejn l-Istati Uniti, l-Ingilterra u anke lejn l-Awstralja. 

“Jien kont iżżewwiġt Amerikan u għalhekk ġiet qisha naturali li nemigra lejn l-Istati Uniti. Ommi ma riditnix inmur. Kienet għafsa ta’ qalb kbira. Il-familja tiegħu kienet tgħix l-Istati Uniti u għalhekk l-għażla waqgħet fuq l-Istati Uniti.  Fil-bidu konna ngħixu f’Seattle, u wara jien mort ngħix f’Louisiana” tgħidilna Mary.

Għadha tgħix ir-rużarju kuljum… tintefa għaliha u titlob

Minn Malta, Mary ħadet xi ħaġa oħra magħha. It-talba tar-rużarju. Għadha sa llum tgħidha kuljum. Kienet xi ħaġa li kienu jgħiduha ta’ kull filgħaxija fil-familja meta kienu jgħixu f’Malta  u ġarritha magħha lejn l-Istati Uniti. Uliedha, ma ħadux din id-drawwa, imma ma jonqsux li japprezza il-mument meta ommhom tinqata’ għaliha biex tgħid ir-rużarju. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport