Wednesday, July 24, 2024

Tiġdid fil-Forzi Armati bi 53 suldat

Aqra wkoll

Tlieta u ħamsin suldat issieħbu mal-Forzi Armati ta’ Malta wara ċerimonja li matulha ħadu l-ġurament ta’ lealtà waqt parata ta’ inawgurazzjoni.

Is-suldati l-ġodda b’hekk komplew isaħħu r-riżors uman tal-armata li daqs sena ilu rat ukoll id-dħul ta’ tmenin suldat ieħor. Il-Forzi Armati jiftħu l-bieb tagħhom għar-reklutaġġ darba f’sena. Matul il-kors, li jdum mad-dsatax-il ġimgħa, ir-rekluti jgħaddu minn firxa ta’ taħriġ, kemm fiżiku u anke militari, bħala l-ewwel pass f’karriera militari.

F’diskors waqt iċ-ċerimonja tal-passing out, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri rrefera għall-valuri li għandhom jiggwidaw suldat. Talabhom biex jaqdu dmirhom b’unur, b’rispett u b’lealtà lejn il-pajjiż u ċ-ċittadini. Il-Ministru Camilleri qal li l-gvern sostna lill-Forzi Armati mhux biss b’għodda ġodda u moderni biex jaħdmu iżda anke l-kundizzjonijiet tas-suldati.

“Il-gvern jibqa’ b’impenn ċar li jibqa’ jtejjeb il-kundizzjonijiet u d-drittijiet tas-suldati bħalma għamel bi ftehimiet kollettivi li tawhom salarji u kundizzjonijiet bla preċedent. Wettaqna dak li wegħedna u għamilnieh għaliex nemmnu fikom u nafu li l-pajjiż se jsibkom fil-mumenti ta’ prova”, qal il-Ministru Camilleri.

Min-naħa tiegħu, il-Kmandant tal-Forzi Armati, il-Brigadier Clifton O’Neill qal, “Għalkemm it-taħriġ tlesta fil-verità huwa l-bidu ta’ ħafna aktar. Huwa l-pedament li fuqu nridukom tibnu karriera militari twila u ta’ suċċess.” Huwa qal li f’Lulju ta’ din is-sena se terġa’ toħroġ sejħa għall-ingaġġ fil-Forzi Armati ta’ Malta, bir-reklutaġġ skedat li jibda fl-ewwel ġimgħat ta’ Jannar.

Waqt iċ-ċerimonja, is-suldat Darko Sujan ingħata l-premju tal-aħjar rekluta tal-kors.

Preżenti wkoll għaċ-ċerimonja kien hemm is-Segretarju Permanenti Joyce Dimech.

Ekonomija

Sport