Tmiem il-ġimgħa li għaddiet kien wieħed kruċjali u eċċitanti għall-Partit Laburista billi ġew maħtura l-ogħla karigi fl-amministrazzjoni. It-tibdil li seħħ fil-partit permezz ta’ dawn il-karigi ġodda kien sostanzjali ferm, b’uċuħ li huma relattivament ġodda imma li nemmnu li se jkunu qegħdin jagħtu kontribut kbir lil dan il-partit.
Dan il-proċess ta’ tiġdid, li kien ilu għaddej għal diversi ġimgħat minn wara l-elezzjonijiet l-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda, ra l-qofol tiegħu jintlaħaq proprju lbieraħ bl-għeluq tal-konferenza ġenerali tal-PL u bid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.
It-tmexxija l-ġdida tal-PL, li tinkludi żewġ karigi ta’ Deputati Mexxejja, il-ħatriet fl-amministrazzjoni u l-Eżekuttiv tal-PL, se tkompli tibni fuq it-tajjeb li ħalliet ta’ qabilha filwaqt li tissokta il-ħidma tagħha biex il-partit ikun katalista għal titjib fl-operat tal-Gvern.
Għandna għax nifhmu li l-ħidma se tkompli tkun iffukata fuq kemm il-partit u anke l-Gvern jisimgħu x’għandhom xi jgħidu n-nies, u jindirizzaw il-problemi tagħhom kif u fejn hemm bżonn. Illum ir-realtajiet qed jinbidlu u għalhekk il-Partit irid ikun konxju tal-aspirazzjonijiet anki ġodda tan-nies. Wara kollox kemm il-Partit kif ukoll il-Gvern għandhom ikunu hemm għan-nies u man-nies.
Ħidma li ddur għalhekk mal-ħtiġijiet tan-nies, dwar kif tista’ titjieb aktar il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxi u kif se jkomplu jkunu mwieżna dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Ma’ dawn hemm ukoll temi oħra li jinkludu l-ambjent, it-tibdil fil-klima, is-saħħa u l-edukazzjoni, li għandna għax nifhmu li se jsir investiment fihom anke fil-Budget li ġej.
Din il-bidla fil-PL qiegħda sseħħ fi żmien propizju. Il-viżjoni tal-Partit Laburista fil-gvern ilha magħrufa għax hija riflessa fil-manifest elettorali. Għalhekk aħna konvinti li l-ħatriet il-ġodda fil-partit se jkomplu jattwaw dik il-viżjoni li fuq kollox kienet approvata b’fiduċja kbira mill-poplu Malti u Għawdxi fl-2022.
Għaliex il-prinċipji ma jinbidlux imma jinbidel biss it-twettieq tagħhom, dan it-tiġdid se jkun qed jikkonsolida t-twemmin tal-partit, dak li fuq quddiem nett ikun hemm iż-żgħir, il-batut u l-vulnerabbli. Partit li fuq kollox huwa għatxan li jwettaq aktar bidliet u aktar twettiq ta’ ġid għall-familji Maltin u Għawdxin.