Saturday, November 23, 2024

Tiġi fi Tmiemha l-Valletta Pageant of the Seas

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Valletta Pageant of the Seas, wieħed mill-akbar avvenimenti tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, ixxandar dirett fuq it-televiżjoni nhar il-Ħadd 16 ta ‘Awwissu fid-dawl tar-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-massa.

Taħt id-Direzzjoni Artistika ta’ Chris Baldwin, u ppreżentata minn Keith Demicoli u Sarah-Lee Zammit bl-appoġġ tal-kummentatur sportiv Sandro Micallef, it-tielet edizzjoni tal-Valletta Pageant of the Seas bdiet bit-tellieqa ikonika, Tellieqa Telliqun fil-Port il-Kbir. It-tellieqa kienet magħmula minn membri tal-komunità li ngħaqdu f’timijiet biex jibnu bċejjeċ tal-baħar bl-użu ta’ materjal riċiklat. Fl-ewwel post kien hemm it-tim ta’ Ryan Farrugia u Sephora Sammut, b’dgħajsa bl-isem ta’ “Quickie”. It-tim rebbieħ ġiet mogħti premju ta’ €1,500. ‘The Return of the Runaway Ferris Wheel’ ta’ David Cristina, Stephen Dalli u Terence Delia kienet id-dgħajsa rebbieħa tal-People’s Choice Award, wara li ntagħżlet mill-pubbliku fuq il-paġna ta’ Facebook tal-VCA.

L-avveniment kien jinkludi wkoll regatta, issa sinonima ma’ dan l-avveniment nawtiku, bil-parteċipazzjoni ta’ disa’ klabbs tar-regatta, iżda din id-darba b’differenza hekk kif għall-ewwel darba, ir-regatta waqt il-Valletta Pageant of the Seas saret b’qaddiefa nisa biss. Il-klabbs li pparteċipaw kienu l-Marsa Regatta Club, il-Birgu Regatta Club, l-Isla Regatta Club, il-Kalkara Regatta Club, il-Bormla Regatta Club u l-Birżebbuġa Regatta Club. It-tim rebbieħ kien dak tal-Birgu, li rċieva premju ta’ € 2,000. It-tim tal-Birgu huwa magħmul minn Glynnis Mizzi, Rachelle Gialanze u Cayenne Mizzi.

L-avveniment intemm bi spettaklu mill-isbaħ fuq l-ilma, bl-isem ta’ “Il-Mappa”. L-avveniment kien jinkludi l-parteċipazzjoni ta’ 34 dgħajsa tal-qlugħ u 20 dgħajsa tal-pass. Il-qlugħ tad-dgħajjes tal-qlugħ inbidlu f’mera li fuqha ntwerew diversi projezzjonijiet marbuta mal-Belt Valletta. Il-kunċett artistiku ffoka fuq l-esperjenza li għexu r-residenti tal-Belt Valletta u l-artiġjani li jaħdmu fil-Belt, b’mod partikolari x-xogħol marbut mal-idejn, bħal ħaddieda, inġiniera, arġentiera u dawk li jdoqqu l-qniepen. Il-Valletta Pageant of the Seas 2020 kellu direzzjoni mużikali ta’ Andrew Alamango, kunċett u direzzjoni viżiva ta’ Charlie Cauchi, u disinn tad-dawl u koordinazzjoni viżwali ta’ Petko Tanchev. L-avveniment inkluda wkoll produzzjoni mużikali ta’ Andrew Alamango u Andrej Vujicic; mixing u mastering minn Andrej Vujicic u Pablo Prada; flimkien mad-disinjatur tal-grafika Andres Algeciras.

L-avveniment kien suċċess grazzi għal diversi persuni, b’mod speċjali r-residenti tal-Belt Valletta, l-Isptar Mater Dei, Heritage Malta, il-Forzi Armati ta’ Malta, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Korp tal-Pulizija, Transport Malta, id-Dipartiment tas-Saħħa, id-Direttorat tal-Cleansing u ħafna oħrajn.

Sport